Coronavirus Lokali

Il-Lidl ta’ Ħal Safi jingħalaq għalissa wara li ħaddiem ittestja pożittiv għal Covid-19

Il-Lidl tal-lokalitá ta’ Ħal Safi ngħalaq għalissa wara li s-Supretendent tas-Saħħa, Charmaine Gauci ħabbret li kien hemm ħaddiem li kien pożittiv għall-COVID-19. Il-LIDL ta’ Ħal Safi se jibqa’ magħluq sakemm jiġi ddisinfettat. 

Meta kienet intervistata fuq stazzjon tar-radju tal-istat il-Professur Gauci qalet li r-riskju li xi klijenti ħadu l-Coronavirus huwa baxx. Madankollu hija appellat lil dawk li marru jixtru minn dan il-ħanut bejn is-26 u t-30 ta’ Marzu biex jagħmlu moniterraġ tagħhom infushom u jekk ikollhom xi sintomi akuti jċemplu 111.

Is-sintomi jinkludu nuqqas ta’ xamm u togħma, sogħla, deni u qtugħ ta’ nifs. Hija qalet li t-tmexxija tal-ħanut ikopperat ħafna u għalqet mal-ewwel l-istabilliment biex jitnaddaf fuq linji gwidi li ngħataw. Tenniet li l-ħanut jista’ jinfetaħ meta d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jaċċerta ruħu li m’għadx hemm periklu.