Coronavirus Lokali

Il-PN b’aktar proposti konkreti għall-ġid tal-familji u n-negozji tagħna

“Il-Partit Nazzjonalista determinat li jagħmel mhux biss skrutinju fuq ħidmet il-gvern iżda wkoll iwassal ideat u soluzzjonijiet li jindirizzaw iċ-ċirkustanzi straordinarji preżenti u t-tħassib tan-nies; ideat li huma frott l-konsultazzjoni kontinwa li l-PN qed ikollu mal-imsieħba soċjali u l-NGOs kif ukoll l-ħidma tal-membri parlamentari.”

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma David Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Il-Gvern Laburista kaxkar saqajh u dam biex jiċċaqlaq. Kellha tkun l-Oppożizzjoni flimkien mal-imsieħba soċjali biex jinsistu li l-poplu Malti għandu jkun megħjun bl-aħjar mod possibli. Il-miżuri li imbgħad daħħal l-gvern kienu bl-iskossi, ftit u tard.

Minflok joħroġ miżuri li sempliċiment jidhru sbieħ iżda ma jkollhom l-ebda sustanza, il-gvern kellu jagħti s-serħan il-moħħ lis-setturi kollha mhux wħud biss, inkluż lis-self-employed, lill-investituri, lilln-negozjanti li tant ħadmu għas-surplus ħalli naraw li ma jintilifx impjieg wieħed jew li ma jfallix negozju wieħed minħabba l-kriżi.

Bil-kriżi qed inħossu aktar il-prezz qares li qed inħallsu għall-korruzzjoni u l-inkompetenza tal-gvern, bl-akbar eżempju ċar jkun il-ftehim skandaluż ma’ Vitals u Steward Healthcare. Il-gvern laburista jinsab b’idejh marbuta minħabba kuntratti korrotti u bejgħ tal-assi tiegħu lill-kumpaniji privati u barranin b’kundizzjonijiet li jivvantaġġjaw lill-privat u mhux liċ-ċittadini.

Tahom poteri biex jiddeċiedu huma l-prezzijiet li jħallsu l-familji u n-negozji Maltin għad-dawl, l-ilma, u l-fjuwils; dan ikkonfermah l-Ministru għall-Finanzi stess.
Għaldaqstant fiċ-ċirkostanzi diffiċli li jinsabu fihom il-familji u n-negozji Maltin, b’rabta mal-enerġija, il-Partit Nazzjonalista:

  1. Jappella lill-gvern biex b’effett mid-9 ta’ Marzu 2020 iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji u n-negozji Maltin b’50% biex b’hekk il-kontijiet ikunu jirriflettu tassew il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt u tal-gass. Il-Partit Laburista kien jappella biex jorħsu l-kontijiet fl-eqqel tal-kriżijiet tal-2010, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt dak iż-żmien kien $140 il-barmil, u allura hu ferm aktar ġust u xieraq li l-Partit Nazzjonalista jappella lill-gvern biex jaħtaf l-opportunità u jraħħas il-kontijiet tad-dawl meta l-prezz taż-żejt illum niżel saħansitra sa $20 il-barmil.
  2. Jappella lill-gvern biex iraħħas ukoll il-prezzijiet tal-fjuwils. Fl-Ewropa, id-diesel u l-petrol raħsu b’medja ta’ għaxar ċenteżmi (10ċ), u dan ir-roħs jista’ jiġi nnutat fil-pajjiżi Ewropej kollha, iżda f’Malta l-prezzijiet baqgħu l-istess. Mill-kalkoli tal-Partit Nazzjonalista u tal-esperti li kkonsulta magħhom, il-prezzijiet f’Malta jistgħu jorħsu sa 30ċ għal kull litru għad-diesel u għall-petrol.
  3. Jappella wkoll biex iżid il-limitu tal-eko-kontribuzzjoni hekk kif il-konsum domestiku tal-elettriku żdied drastikament. Il-limitu ta’ elf seba’ mija u ħamsin (1,750) unità fis-sena, jiġifieri bejn wieħed u ieħor ta’ erbgħa punt sebgħa disgħa (4.79) kuljum, se jinqabeż u allura l-familji tagħna se jitilfu t-tnaqqis tal-eko-kontribuzzjoni.
  4. Jissuġġerixxi li l-gvern jimmira miżura b’rabta mal-ilma hekk kif dan huwa kruċjali biex jinżamm livell għoli ta’ iġjene fid-djar tal-familji tagħna. Meta jinqabeż it-tlieta u tletin metru kubu (33m3) ta’ ilma kull persuna, wieħed jibda jħallas bil-ħames ewro (€5) għal kull metru kubu. Il-gvern għandu jipprovdi traħħis fl-ilma biex tittaffa din l-ispiża addizzjonali.
  5. Jappella lill-gvern biex iraħħas ir-renta tal-arloġġi tad-dawl u l-ilma għan-negozji, mhux biss ta’ dawk elenkati fl-Annessi A u B li ħabbar il-gvern iżda b’mod speċjali għal dawk li bħalissa jinsabu magħluqin b’mod sfurzat u xorta waħda qed jikkunsmaw l-elettriku. Qed nirreferu pereżempju għas-self-employed li għandhom freezers u makkinarju ieħor, għar-ristoranti, il-lukandi, u l-bqija.
  6. Nitolbu lill-gvern ukoll biex jieqaf is-serq fil-mod kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dan ilna snin nitolbuh u Joseph Muscat kien wiegħed li s-sistema se tinbidel s-sena li għaddiet, iżda s’issa għadna ma smajna xejn.

Agius għalaq billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha li qed jaħdmu qatigħ sabiex pajjiżna jirpilja minn din il-kriżi, speċjalment il-ħaddiema tal-Enemalta u tal-Water Services li baqgħu jaħdmu biex jaraw li dawn is-servizzi jibqgħu għaddejjin mingħajr interruzzjonijiet.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Kunsilli Lokali, l-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej Robert Cutajar qal li l-kontijiet tal-enerġija huma waħda mill-weġgħat ta’ ras il-kbar għall-familji, ħaddiema, min iħaddem u NGOs Maltin, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza. Kompla billi qal li s-sistema addottata mill-gvern hija waħda li toħloq diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema hekk kif mhux kollha jistgħu jipprattikaw s-social distancing kif għandhom id-dritt jagħmlu.

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-miżuri tiegħu qiegħed jindirizza kemm il-lat mediku kif ukoll dak soċjo-ekonomiku hekk kif jeħtieġ ngħinu lill-familji u n-negozji tagħna biex flimkien ngħaddu minn dan iż-żmien iebes. Cutajar għalaq billi sostna li bħala poplu wieħed u qalbieni, nistgħu flimkien naslu għal żminijiet ferm aħjar għal pajjiżna.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd Edwin Vassallo qal li l-gvern qiegħed fid-dover li jsostni lill-familji u n-negozji tagħna. Wara għadd ta’ snin jiftaħar bis-surplus, issa wasal iż-żmien li dan is-surplus li għamlu b’tant għaqal n-negozji u l-ħaddiema Maltin, jintefaq għall-ġid tal-poplu tagħna. Jekk mhux ser ikun hemm għajnuna b’saħħitha min naħa tal gvern, ħafna ħaddiema se jispiċċaw mingħajr xogħol.

Ħafna diġa intesew minn dan il-gvern hekk kif mhux qed jipprovdi għajnuna għalihom: bdiewa, raħħala, sajjieda, laundries, mastrudaxxi, tal-madum, electricians, negozji ta’ servizz fil-manutenzjoni ta’ djar, taxis tal-karozzini, tal-minibuses, tal-coaches,sprayers, panelbeaters, bejjiegħa ta’ spare parts u real estate agents. Il-Partit Nazzjonalista mill-bankijiet tal-oppożizzjoni qiegħed jagħmel ħiltu kollha permezz tal-proposti li qed iressaq, fosthom dawk li qed iressaq illum, biex jittaffa l-piż minn fuq tant u tant negozji u familji. Biex dawn jkollhom futur, hemm bżonn li l-gvern jgħin bil-forza kollha li għandu disponibbli.