Ambjent Lokali

Il-qtugħ u l-qerda ta’ sigar hu att irresponsabbli kontra s-saħħa tal-poplu tagħna – il-PN

Il-PN jemmen u jsostni li jekk tassew irridu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna, l-Gvern għandu jara li jinbnew u jissaħħu inizzjattivi favur il-ħarsien tas-siġar eżistenti u li naraw li nħawlu siġar ġodda għall-ġid tal-ġenerazzjoni li jmiss filwaqt li nħarsu u nipproteġu kull siġra eżistenti għall-ġid tal-ġenerazzjoni preżenti.

Bil-qerda tas-siġar li qed iwettaq il-Gvern speċjalment fejn jidħlu l-proġetti tal-Ministru Ian Borg, bħal ma qiegħed isir bil-qtugħ tas-siġar fil-proġett tas-Central link, pajjiżna ser jispiċċa b’deficit ta’ siġar.

Il-PN jinnota li minkejja li qed jitħawlu sigar ġodda, dawn għadhom wisq żgħar biex iservu bħala l-pulmun tal-arja tagħna għall-ġenerazzjoni preżenti. Il-PN iħeġġeġ lill-gvern, speċjalment lill-Ministru Ian Borg biex jerfa’ r-responsabbiltà u jaċċerta lill-poplu Malti u Għawdxi li fil-progetti li jkun jaħdem fuqhom huwa jara li ma ssir l-ebda qerda ta’ siġar u jekk ikun hemm bżonn li jinqatgħu s-siġar, dawn jiġu mħawla mill-ġdid f’postijiet oħra.

Il-PN isostni li l-politika tiegħu hija politika favur it-titjib tal-kwalità tal-ħajja f’kull aspett u ma nistghux inkunu indifferenti li kaġun tal-ħmieġ fl-arja għandna tant imwiet prematuri. Għalhekk il-PN jikkundanna kull deċiżjoni irresponsabbli li twassal għall-qerda ta’ siġar, aktar u aktar meta ġejja mill-gvern li huwa mistenni li jkun ta’ eżempju.