Coronavirus Futbol Sport

Il-UEFA tipposponi l-logħbiet tat-timijiet nazzjonali ta’ Ġunju

(Ritratt: EPA)

Wara laqgħa llum permezz ta’ videoconference, il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA ħa diversi deċiżjonijiet marbuta mal-mument preżenti fil-futbol waqt iż-żmien tal-coronavirus. Il-videoconference saret mas-Segretarji Ġenerali tal-55 assoċjazzjoni membru fil-UEFA.

Il-logħbiet tat-timijiet nazzjonali tal-irġiel u n-nisa li kienu mistennija jintlagħbu f’Ġunju ġew posposti b’mod indefinit. Dawn jinkludu l-logħob tal-play-offs għall-Kampjonat Ewropew u l-logħbiet mill-gruppi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tan-nisa tal-2021. Il-logħbiet l-oħra mill-kompetizzjonijiet tal-UEFA baqgħu posposti wkoll. Dawn jinkludu l-partiti tal-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League kif ukoll dawn tal-futsal u ta’ taħt is-17 u d-19-il sena.

Id-dati tal-għeluq b’rabta mal-kompetizzjonijiet tal-klabbs tal-UEFA ġew posposti sa avviż ieħor. Dawn jinkludu wkoll ir-reġistrazzjoni tal-plejers, bil-UEFA se toħloq dati ġodda. Il-Kumitat Eżekuttiv saħaq dwar l-impenn sħiħ tiegħu lejn il-liċenzjar tal-klabbs u l-financial fair play. Dan minbarra li qablu dwar iż-żmien partikolari li għandhom bżonn interventi biex jiffaċilitaw ix-xogħol mal-assoċjazzjonijiet.