Lokali Qorti

Iż-żagħażugħ ta’ dixxindenza Maltija li attakka omm u bint b’martell f’Londra jinsab għall-kura fi sptar mentali

Joe Xuereb ta’ 29 sena, residenti Londra u li fid-19 ta’ Awwissu tal-2018 aggredixxa omm u bint b’martell f’Londra, attakk li kien ġie deskritt mill-media Ingliża bħala wieħed tal-biża’ qed jingħata l-kura fi sptar mentali fuq ordni tal-Qorti.

Xuereb li ammetta li attakka lil Ania Gos, li dak inhar tal-inċident kellha 30 sena u lil ommha ta’ 64 sena, ta’ nazzjonalità Pollakka, u dan mingħajr ma ġie pprovokat.

Xuereb kellu problema akuta ta’ droga fejn kien ilu juza l-kannabis minn mindu kien għadu tifel. Dan ikkonfermah ħuh stess ftit wara li seħħ r-reat. L-attakk kien seħħ għall-ħabta ta’ 12.10pm fil-jum tal-Ħadd u Xuereb kien arrestat fis-7.35pm tal-istess ġurnata, madwar tliet kilometri ‘l bogħod minn fejn kien seħħ l-inċident f’Adderley Gardens, fi New Eltham, fix-Xlokk ta’ Londra.

In-nisa kienu sofrew ġrieħi estensivi, tant li l-omm spiċċat bi ġrieħi serjissimi f’wiċċha u tant tilfet demm li kien hemm il-periklu li tifga’ fih. Il-vittmi kellhom jiġu operati fl’emerġenza tal-isptar, bl-operazzjoni fuqhom damet għaddejja madwar sitt sigħat.

Xuereb kien ammetta l-akkużi ta’ attentat ta’ qtil b’martell li ntuża bħala arma. Il-vittmi kienu ntilfu minn sensihom fost xeni tal-biża Fis-sentenza tiegħu mill-Qorti tal-Old Bailey, l-Imħallef Richard Marks qal li kieku l-ħati ma kellux problemi psikjatriċi, kien jikkundannah għal għomru l-ħabs.

Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Marks ordna biex b’mod indefinit, Xuereb jintbagħat fi sptar mentali, u dan skont l-Att dwar is-saħħa mentali. Il-Prosekuzzjoni kienet infurmat lill-Qorti li l-vittmi kienu għall-affari tagħhom barra blokk ta’ appartamenti.

Fid-dawl tax-xemx Xuereb kien mar minn warajhom u aggredihom b’martell. Huwa sawwathom bil-martell fuq diversi partijiet ta’ ġisimhom, l-aktar fuq rashom u wiċċhom, u dan mingħajr lanqas biss kien jafhom. Xuereb kompla bl-atti terribbli tiegħu meta baqa’ jsawwathom bil-martell anke meta kienu mal-art.

Iż-żewġ nisa kienu ttieħdu mill-ewwel l-isptar permezz ta’ żewġ ambullanzi fejn fil-bidu kienu fil-periklu tal-mewt. Huma damu l-isptar għal diversi ġimgħat sakemm b’xi mod irkupraw.

Is-Surġent Matt Deans, mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Omiċidji u Reati Maġġuri qal li l-vittmi kienu ffurtunati li baqgħu ħajjin. Qal ukoll li dan l-inċident se jkollu mpatt ikraħ fuq il-kumplament ta’ ħajjithom.