Lokali Qorti

Jgħid li seraq għax m’għandux x’jiekol iżda jwieġeb mhux ħati

Raġel ta’ 57 sena mill-Belt li fil-Qorti qal li kien qed jisraq għax ma kellux x’jiekol, fl-istess waqt meta ġie mistoqsi jekk hux ħati jew le, wieġeb li huwa ma kienx ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Mario Grima nżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq mixli li f’perjodu ta’ ħames xhur huwa wettaq ħames serqiet ‘żgħar’ minn stabbilimenti, negozji u residenza ġewwa l-Belt Valletta.

Mario Grima ġie akkużat li wettaq dawn ir-reati bejn il-25 ta’ Ottubru, 2019 u l-31 ta’ Marzu, 2020, bl-aħħar serqa sseħħ nhar it-Tlieta li għaddew meta allegatament seraq landa taż-żebgħa minn residenza fi Triq San Pawl.

Huwa ġie mixli wkoll li seraq darbtejn mill-Food Market tas-Suq tal-Belt, darba fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u darba oħra fit-28 ta’ Jannar li għadda, liema serq kien jikkonsistu f’żewġ fliexken Whiskey u flixkun Amaretto.

Ġie mixli wkoll li fl-19 ta’ Diċembru li għadda huwa seraq ċikkulata li l-valur tagħha hija ta’ €10.90 u li fil-25 ta’ Ottubru 2019 seraq nuċċali li jiswa €89 milll-istabbiliment P. Muscat Opticians. 

Grima għamel talba għall-ħelsien mill-arrest u qal fil-Qorti li għamel dak li għamel għax ma kellux x’jiekol. “Il-ġuħ iġielgħek tagħmel kollox”, qal Grima. Il-Maġistrat Victor Axiaq, jgħidlu li jekk allura s-soluzzjoni hijiex is-serq.

L-Ispettur Priscilla Caruana li ressqet lil Grima oġġezzjonat bil-qawwa kollha li l-akkużat jingħata l-libertà proviżorja u tenniet li l-imputat kien diġa ngħata ċans ieħor fi Frar li għadda wara li kien instab ħati li seraq fwieħa u kien ingħata ċ-ċans li jħallasaha.

L-Ispettur qalet li kieku ma kellux x’jiekol, ma kienx jisraq il-fliexken tal-whisky li nstabu fir-residenza tiegħu. Qalet ukoll li ma jistax ikun li l-affarijiet jibqgħu għaddejjin b’dan il-mod u huwa d-dmir tagħna li s-soċjetà tkun protetta.

Huwa ġie akkużat ukoll li renda lilu nniffsu reċediv u li kiser il-provediment tal-liberta’ kundizzjonata li ġiet mogħtija lilu. Ir-raġel ma ammettiex l-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ma ngħatax il-libertà proviżorja u baqa’ jinżamm taħt arrest fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Priscilla Caruana Lee filwaqt li għalih deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Christopher Chircop.