Żewġ Maltin li jinsabu abbord cruise liner s’issa ma ngħatawx il-permess sabiex jiddiżimbarkaw Malta meta l-bastiment jgħaddi minn qrib pajjiżna fi triqtu lura lejn ir-Renju Unit.
Fil-ħarġa tal-Erbgħa tal-ġurnal MaltaToday ġie rrapportat kif il-koppja anzjana jinsabu abbord il-cruise liner Columbus u qed jagħmel ir-ritorn tiegħu f’Tilbury wara li l-kumpanija kkanċellat kull vjaġġ li kellha lura fl-14 ta’ Marzu.
Joseph Mercieca u Marthese Bonello, it-tnejn ta’ 70 sena – bdew il-vjaġġ tagħhom fuq il-Columbus fil-25 ta’ Frar mill-port ta’ Sydney, fl-Awstralja – madanakollu l-cruise ta’ 48 jum nbidel minn vjaġġ mill-isbaħ għal ħolma kerha malli faqqgħet il-pandemija tal-Coronavirus ġimgħatejn ilu – hekk kif kienu jinsabu fin-nofsinhar tal-Ażja.
Preżentament il-bastiment jinsab fi triqtu lejn il-Kanal ta’ Suez, lest sabiex jidħol fil-Baħar Mediterran u mistenni jasal fl-ibħra Maltin fis-6 ta’ April biex jingħata l-fjuwil. Għaldaqstant, sakemm ikun qed isir dan, il-vapur talab lill-Awtoritajiet Maltin sabiex jippermettu lill-anzjani jinżlu lura lejn Malta madanakollu l-Ministru Ian Borg spjega ma’ MaltaToday li Transport Malta ċaħdu li jsir dan.
Il-Ministru sostna li l-Maltin ma jistgħux jitħallew jinżlu pajjiżna minħabba l-Avviż Legali maħruġ mill-Awtoritajiet tas-Saħħa fejn estendew il-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar lejn pajjiżi kollha mill-21 ta’ Marzu, 2020 u jitħallew jidħlu biss bastimenti tal-merkanzija u bżonnijiet speċjali u mhux dawk umanitarji.
Madanakollu meta wieħed iqis li l-cruise liner ilu jivvjaġġa fuq il-baħar għal dawn l-aħħar ġimgħatejn ftit li xejn setgħu jagħmlu mod ieħor iż-żewġ Maltin abbord.
Il-Ministru Borg saħaq li preżentament għaddejjin numru ta’ taħdidiet interni sabiex tinstab soluzzjoni dwar il-passiġġieri filwaqt li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo insista li l-kwistjoni hija kkumplikata.
//= $special ?>