Coronavirus Lokali

L-ebda għajnuna finanzjarja għal min jibqa’ d-dar ma’ anzjani jew nisa tqal

Idealment jekk persuna tgħix ma’ persuna anzjana ‘il fuq minn 65 sena jew persuna vulnerabbli, inkluż mara li qed tistenna tarbija, tfittex post ta’ residenza oħra.

Hekk stqarr il-Ministru fl-uffiċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela waqt li kien qed iwieġeb domandi ta’ NET NEWS waqt konferenza stampa li saret fuq pjattaforma diġitali. Huwa saħaq li dawk il-persuni li ma jistgħux jaħdmu fuq bażi ta’ teleworking u jaqsmu r-residenza tagħhom ma’ anzjani u nies vulnerabbli jridu joħorġu għax-xogħol.

Il-Ministru Abela għaldaqstant ta’ x’jifhem li għalissa dawk il-persuni li ma jridux jew ma jistgħux imorru għax-xogħol sabiex jieħdu ħsieb lil dawn in-nies li jaqgħu taħt din il-faxxa, jew ankè sforz il-biża’ li jdaħħlu l-pandemija taħt is-saqaf ta’ darhom – m’humiex intitolati li jiġu mgħejjuna minn kwalunkwè pakkett finanzjarju għax skont il-Gvern din mhux raġuni valida biżżejjed.

Il-Ministru saħaq li bħala prekawzjoni, ġaladarba ma jistgħux imorru jgħixu f’residenza oħra – dawn il-persuni idealment jużaw kmamar tal-banju differenti, ma joqgħodux qrib il-persuni li jaqgħu taħt din il-faxxa u jżommu attenzjoni kemm jistgħu fuq il-post tax-xogħol.

Tul din il-konferenza tal-aħbarijiet ingħad ukoll li bħal ma’ tħabbar fil-jiem li għaddew, il-Gvern ser ikun qed iħallas €800 bħala leave tal-kwaratina lill-kumpaniji privati l-aktar affettwati minn din il-kriżi għal kull full timer li jħaddmu. Ġaladarba l-impjegat jitħallas aktar minn €800, in-negozji jridu jżidu sa minimu ta’ €400 fil-paga, jiġifieri ħaddiem jista’ jitħallas sa minimu ta’ €1,200 bħala leave tal-kwaratina.

Dan ifisser li ħaddiema li kienu jaqilgħu ‘il fuq minn €1,200 – il-probabilità hija li inevitabbilment ser titnaqsilhom momentarjament il-paga.

Il-Ministru Abela sostna li f’każ li l-kumpaniji ma jkunux jifilħu jżidu mat-€800 kif stipulat fil-ftehim dawn għandhom jagħmlu immedjatament kuntatt mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjieg sabiex jitolbu permess biex imorru kontra l-ftehim.

F’każ li għal xi raġuni jew oħra impjegat jara li mhux jitħallas dak li huwa bi drittu sa massimu ta’ €1,200 – għandu wkoll jagħmel kuntatt mill-aktar fis mad-DIER.

Fid-dawl ta’ dan kollu, twaqqaf ukoll helpline miftuħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn 0800 u 1600: 1575 għall-ħaddiema filwaqt li 1576 għal min iħaddem.

Carmelo Abela sostna li l-pubbliku jrid jifhem li f’dawn iċ-ċirkostanzi kulħadd irid jagħmel s-sagrifiċċji bi tbatija mqassma ma’ kulħadd.

Meta mistoqsi minn din il-Kamra tal-Aħbarijiet dwar x’ser isir mill-għajnuniet soċjali viz-a-vis ħaddiema fis-settur parastatali (bħall-AirMalta), il-Ministru Abela farfara li mhux kompitu tiegħu, iżda tad-Dipartiment Soċjali.