Coronavirus Sport Sport Ieħor

L-edizzjoni ta’ Wimbledon uffiċjalment ikkanċellata

(Ritratt: EPA)

L-All England Club ħadet id-deċiżjoni li l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Wimbledon tiġi kkanċellata minħabba l-pandemija tal-coronavirus wara laqgħa urġenti tal-bord. It-tmexxija dehret li kienet se tistenna ftit ġimgħat oħra biex tieħu d-deċiżjoni iżda l-Kap Eżekuttiv Richard Lewis ħabbar li mexxa l-laqgħa urġenti fejn ġie deċiż li jitħassar it-tournament aktar milli jiġi pospost.

Minħabba li l-Open tal-Istati Uniti bħalissa hu skedat lejn tmiem Awwissu u l-Open ta’ Franza li tmexxa għal nofs Settembru, ma kienx hemm spazju fil-kalendarju fejn it-tournament ta’ Wimbledon seta’ jiċċaqlaq. Id-deċiżjoni li tiġi kkanċellata l-edizzjoni ta’ din is-sena kienet mistennija, hekk kif l-avvenimenti ATP tal-irġiel u WTA tan-nisa ġew sospiżi sas-7 ta’ Ġunju, li jfisser madwar tliet ġimgħat mill-ftuħ tat-tournament.

It-tournament prinċipali ta’ Wimbledon kien mistenni jibda fid-29 ta’ Ġunju u l-preparazzjonijiet għal din l-edizzjoni kellhom jibdew tard dan ix-xahar fejn kien hemm bżonn numru ta’ persuni preżenti fuq il-post. Iżda l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jilagħbu fuq il-ħaxix fisser li l-partitarji se jkollhom jgħaddu mingħajr it-tournament ta’ Wimbledon għall-ewwel darba mill-1945.