Lokali

L-Għalliema tas-sewqan ‘traduti’

Qed iħossuhom traduti; il-Gvern qed jgħaddi ż-żmien bihom. Din hi l-pożizzjoni tal-Għalliema tas-Sewqan, li spiċċaw vittma ta’ u-turn oħra mill-Gvern.

Dan hekk kif fl-aħħar sigħat, Transport Malta ordnat li dawn l-instructors jistgħu jgħallmu lill-istudenti tagħhom, ftit jiem biss wara li l-istess Awtorità tal-Gvern waqqfitilhom il-lezzjonijiet minhabba l-Coronavirus. Fil-jiem ta’ qabel, Transport Malta kienet iddeċidiet ukoll li twaqqaf it-testijiet prattiċi u orali.

Dan, flimkien mal-prekawzjonijiet meħtieġa kontra l-imxija tal-Covid-19, qed tagħmilha impossibbli għad-Driving Instructors biex ikomplu bix-xogħol tagħhom.

Żewġ Għalliema li tkellmu ma’ NET News spjegaw dawn id-diffikultajiet wara l-u-turn ta’ Transport Malta. Iżda tennew magħna x-xewqa li jibqgħu anonimi għax qed jibżgħu li jistgħu jkunu vittma ta’ xi vendikazzjoni.

L-Għalliema spjegaw li għalihom ix-xogħol waqaf tista’ tgħid għalkollox, hekk kif anke l-istudenti nfushom qed jagħżlu li ma jattendux għal lezzjonijiet.

Sadanittant, mhux ċar min hu l-moħħ wara din il-u-turn. Dan hekk kif, filwaqt li l-Għalliema qed jirċievu l-korrispondenza minn Transport Malta u l-Ministeru mmexxi minn Ian Borg, il-Ministru nnifsu tefa’ r-responsabbiltà fuq il-Prim Ministru Robert Abela.

Fil-fatt, mistoqsi dwar il-u-turn direttament minn waħda mill-Għalliema, il-Ministru Borg weġibha li din mhix deċiżjoni tal-Ministeru, iżda “ta’ Gvern”.