Coronavirus Ekonomija Lokali

“Malta għandha bżonn għajnuna effettiva mill-Gvern” – Michael Mercieca

Huwa impossibbli li l-kumpaniji u n-negozjanti jerfgħu r-responsabilita ta’ din l-isfida waħedhom.

Dan saħqu Michael Mercieca, accountant u imprenditur fis-suq tal-proprjeta, f’artiklu fuq il-ġurnal The Times of Malta, fejn sostna li d-dinja, inkluż Malta, qed tħabbat wiċċha ma’ kriżi bla ebda preċedenti.

Mercieca insista li wara snin twal ta’ tkabbir ekonomiku – r-rota waqfet iddur ħesrem u l-aġir li nwettqu fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin sabiex nissieltu kontra l-konsegwenzi ta’ COVID-19 ser jiffurmawlna u jiddetawlna l-ekonomija għas-snin li ġejjin. Għaldaqstant huwa kompla jgħid li r-responsabilita hija waħda enormi sabiex jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet.

Michael Mercieca insista li l-Gvern Malti għandu jieħu deċiżjonijiet rapidi u effettivi. Madwar id-dinja rajna gvernijiet inaqsu drastikament r-rati ta’ taxxi u kontijiet b’numru ta’ miżuri fiskali effettivi. Huwa sostna li l-Gvern għandu jagħti s-sostenn lin-negozji u liċ-ċittadini f’dak kollu li hemm bżonn fosthom; li r-rifużjoni lill-kumpaniji tat-taxxa tad-dħul u l-VAT tkun aktar rapida sabiex jiżdied il-cashflow.

Mercieca saħaq li hemm bżonn ukoll jiżdied drastikament il-persentaġġ ta’ ħlas ta’ paga li l-Gvern qed joħroġ fl-għajnuna finanzjarja li ta lil dawk is-setturi l-aktar affettwati minn din il-kriżi. B’mod importanti, l-accountant saħaq li l-capping ta’ €800 mhux biżżejjed u għaldaqstant dan irid jiżdied ukoll.

Huwa sostna li hemm il-ħtieġa wkoll li r-rata ta’ income tax titnaqqas għal dawk il-kerrejja filwaqt li r-rati ta’ interess tal-garanziji għandhom jitnaqqsu wkoll. Finalment Mercieca saħaq li hemm bżonn tingħata għajnuna finanzjarja sostanzjali lil single-parents li spiċċaw ma’ jistgħux jaħdmu bil-għan li jieħdu ħsieb ta’ uliedhom wara l-għeluq tal-iskejjel. Huwa appella wkoll sabiex dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta jingħataw cash grant u tingħata assistenza sħiħa lis-self employed kollha f’kull settur tal-pajjiż.

Michael Mercieca insista li l-Gvern għandu bżonn jibda jisma’ issa stess u jaġixxi illum qabel għada sabiex jiżgura li kull negozjant u ħaddiem ikun sostnut minn pakkett finanzjarju li jipproteġi l-impjiegi f’kull qasam Malti u Għawdxi.