Il-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Monaco Telecom uffiċjalment akkwistat il-fergħa ta’ Malta tal-Vodafone u kif tħabbar f’Diċembru li għadda dan akkwistatu għas-somma ta’ €250 miljun. Hija qalet li se tkun qed tiffoka li ttejjeb is-sistema ta’ network fejn jidħol investiment u innovazzjoni li se jappellaw u jwessgħu aktar il-ħtiġijiet tal-klijenti Maltin.
Monaco Telecom ħabbret ukoll li hija ħatret Kap Eżekuttiv ġdid għal Malta u dan ukoll wara li fis-17 ta’ Marzu li għadda, l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni approvat l-akkwist ta’ Vodafone Malta minn Monaco Telecom.
Tamas Banyai issa huwa l-Kap Eżekuttiv wara li ilu jmexxi taqsima ta’ Vodafone Malta sa mill-2014 wara t-tluq ta’ Sonia Hernandez. “Se nkunu qed ntejbu s-servizz mogħti f’dan iż-żmien straordinarju tal-pandemija”, qalet Monaco Telecom.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Monaco Telecom, Martin Peronnet qal li l-kumpanija hija kburija li qed tinvesti f’Malta u li l-grupp se jġib taħlita ta’ esperjenza flimkien ma’ għarfien fis-swieq tat-telekomunikazzjoni. “Ikkonduċjena dan l-akkwist b’passjoni u dedikazzjoni u se nħarsu lejh bħala ċ-ċavetta tal-istrateġija tagħna,” qal Peronnet.
Monaco Telecom huwa l-operatur tal-Prinċipalità ta’ Monaco, li jopera fis-settur tal-internet, televiżjoni u servizzi tal-mobajl, kif ukoll konnettività internazzjonali fejn tidħol f’data u servizzi oħra. Monaco Telecom żvilluppat għarfien qawwi teknoloġiku fejn tidħol it-telekommunikazzjoni.
F’Lulju tal-2019 hija kienet l-ewwel operatur fit-tnedija tal-5G mal-pajjiż kollu u broadband fiss, u li tagħti aċċess għal 1GBS lid-djar kollha. Monaco Telecom hija s-sid ta’ Epic, li hija l-operatur ewlieni f’Ċipru. Is-sid tagħha huwa l-Gvern ta’ Monaco u NJJ Holding, familja kbira li qed tikber sew u li hija kkontrollata minn Xavier Niel.
//= $special ?>