Lokali

Pożizzjonijiet kunflinġenti dwar il-ftuħ tal-istaġun tar-Rebbiegħa

Wara li sar magħruf li l-Gvern se jkun qed jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa, fl-aħħar sigħat Birdlife Malta u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti ħarġu stqarrijiet kunflinġenti.

Birdlife Malta ddeskriviet bħala irresponsabbli d-deċizjoni tal-Prim Ministru li jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa, meta l-pubbliku ġenerali qed jintalab jibqa’ ġewwa, fl-isfond tal-pandemija tal-Covid-19.

Birdlife qalet li l-Kabinett talab laqgħa urġenti mal-kumitat ORNIS biex ikun jista’ japprova l-ftuħ tal-istaġun, u kkritika din id-deċiżjoni li qed tiddeskrivi bħala irresponsabbli fis-sitwazzjoni delikata preżenti. L-NGO esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-fatt li l-forzi tal-ordni f’pajjiżna bħalissa huma kkonċentrati fuq affarijiet oħra u mhux se jkunu moħħhom fl-infurzar dwar il-kaċċa u l-insib illegali, kif filfatt diġa qed jiġri bħalissa.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife International, Patricia Zurita f’ittra li bgħatet lill-Prim Ministru Robert Abela fakkritu fil-kredenzjali progressivi tiegħu u appellatlu biex juri t-tmexxija tiegħu f’dan iż-żmien partikolari u ma jċedix għal lobbies, u sabiex ma jiftaħx l-istaġun tar-Rebbiegħa.

L-FKNK minn naħa tagħha esprimiet sodisfazzjon dwar din id-deċiżjoni tal-Gvern, anki peress li din hija bbażata fuq waħda mill-proposti li l-FKNK ressqet lill-Ministru Clint Camilleri aktar kmieni dan ix-xahar. Huma qalu li kienu għamlu wkoll proposta oħra biex fl-istess perjodu tkun permessa kaċċa b’aktar limitazzjonijiet għall-gamiem.

L-FKNK ikkritikat ukoll lill-Birdlife Malta u qalet li l-NGO ma kkritikatxx lill-attivisti, kemm barranin kif ukoll Maltin, tal-BLM u tas-soċjeta’ Ġermaniża CABS li ilhom jiġru, anki fi gruppi, fil-kampanja ta’ Malta u Għawdex sa mill-bidu ta’ Marzu.

Il-Federazzjoni qalet li l-ftuħ tal-istaġun m’hu se jibdel xejn mid-direttivi li qegħda toħroġ l-Awtorità tas-Saħħa minn żmiem għal żmien, liema direttivi l-FKNK ħeġġet li kullħadd għandu jsegwi, inkluż il-kaċċaturi.