Lokali Qorti

Qbil storiku fil-parlament li l-Imħallef Mark Chetcuti jkun maħtur Prim Imħallef

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jappella biex jinstab ukoll qbil dwar ħatriet oħra fosthom il-Kummissarju ta-Pulizija

Għall-ewwel darba fl-istorja l-Gvern u l-Oppożizzjoni qablu li l-Imħallef Mark Chetcuti jkun maħtur Prim Imħallef minflok il-Prim Imħallef attwali Joe Azzopardi li se jirtira bl-età.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lill-Gvern biex jinstab ukoll qbil dwar ħatriet oħra fosthom il-Kummissarju ta-Pulizija.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jsostni li dan il-ftehim għandu jintlaħaq fuq karigi oħra

Il-Prim Ministru qal li dan hu mument li qed jgħaqqad lill-parlament u hu jum storiku li qed jibgħat sinjal b’saħħtu lill-pajjiż li l-parlament kapaċi jaħdem flimkien. Hu qal li ħadd ma kien jemmen li se jkun hemm qbil dwar din il-ħatra; dan hu sinjal b’saħħtu favur is-saltna tad-dritt.

Il-Prim Ministru kompla li kienet ambizzjoni tiegħu li jkun hemm kunsens dwar din il-kariga li trid timtela’ sat-8 ta’ April 2020. Din hi waħda mit-tliet kariga tal-pilastri tad-demokrazija. Hu qal li sodisfatt li l-Oppożizzjoni qablet mal-Gvern fuq din il-ħatra. Il-qbil ma kienx biss fuq l-isem iżda fuq diversi punti oħra fosthom il-ħatra tal-ġudikatura u l-metodu ta’ ħatra tal-ġudikatura.

Il-Prim Ministru Robert Abela sodisfatt li l-Prim Imħallef
se jkun maqbul miż-żewġ naħat tal-Kamra

Dan il-qbil għandu jitbgħat quddiem il-Kummissjoni Venezja biex ikun approvat. Kien hemm qbil ukoll dwar il-metodu ta’ ħatra tal-Prim Imħallef ta’ wara l-Prim Imħallef Chetcuti. Dan sar għaliex kien hemm rieda tajba li jkun hemm qbil fosthom dwar is-saltna tad-dritt.

Il-Prim Ministru qal li jinsab persawż li l-Prim Imħallef Chetcuti se jsaħħaħ l-effiċjenza fil-qrati u rringrazzja lill-Prim Imħallef Azzopardi għall-integrità u s-serjetà li ħadem biha.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li fi żmien ta’ gwerra l-ħajja u d-demokrazija jridu jibqħu għaddejjin. Bħalissa ninsabu fi gwerra f’ċirkostanzi straordinarji, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li dan hu jum storiku għall-pajjiż.

Hu qal li l-Gvern u l-Oppożizzjoni qablu li l-Imħallef Chetcuti kien l-aktar persuna ideonja biex iservi bħala Prim Imħallef. Kien hemm ukoll bl li l-metodu jkun użat fil-futur u li jkun hemm qbil dwar il-ħatra tal-ġudikatura tal-pajjiż.

Din hi l-ewwel darba li l-parlament se jaħtra il-Prim Imħallef minflok ikun il-gvern waħdu. Hu rringrazzja lis-soċjetà ċivili, lid-deputat Nazzjonalista Chris Said, lill-Grupp Parlamentari tal-PN, lil Repubblika għall-kawża li fetħu u l-kurraġġ li wrew u lil dawk kollha li taw kontribut biex intlaħaq qbil.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ l-proposti tal-Kummissjoni Venezja u qal li jeżistu opportunitajiet li dak li seħħ illum jerġa’ jitwetta fuq setturi oħra anki fuq il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija. Hu stieden lill-Prim Ministru biex jifhem li meta jeżerċita l-poter fl-interess nazzjonali, jista’ jkun hemm qbil dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija wkoll.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni faħħar il-kwalitajiet tal-Prim Imħallef Chetcuti u qal li dan għandu l-valuri neċessarji biex il-ġustizzja ssir u tidher li qed issir.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li din hi mozzjoni storika għaliex għall-ewwel darba l-ħatra tal-Prim Imħallef qed titressaq fuq inizjattiva tal-Oppożizzjoni li kienet maqbula mill-Gvern. Hu rringrazzja lill-Prim Imħallef Azzopardi u lill-ġudikatura tax-xogħol enormi li jwettqu fis-skiet.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said sostna li l-poplu jrid
messaġġi pożittivi li jsaħħau l-istituzzjonijiet

Chris Said feraħ ukoll lill-Prim Imħallef il-ġdid Chetcuti li ilu 10 sin iservi fil-ġudikatura fejn kien rett, integru u eċċellenti. Bil-liġi eżistenti l-gvern ma kienx obbligat li jmur il-parlament iżda dan hu pass sinifkanti; pass li juri li dan irid ikun il-metodu li għandu jinutża fil-futur għall-kariga ta’ Prim Imħallef ġdid.

Id-deputat Nazzjonalista sellem il-ħidma li saret fil-kumitat konġunt li ddiskuta diversi riformi fosthom l-għażla tal-ġudikanti tibdil fil-kriterji tal-applikazzjoni, t-tneħħija ta’ ġudikanti, l-età ta’ irtirar u l-ħatra tal-Prim Imħallef. Kien hemm ukoll il-kontribuzzjoni tas-soċjetà ċivili li kien validu.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ried li minn din il-kariga maqbula jsir pass enormi ieħor fil-qasam tal-ġustizzja. Dan hu biss l-ewwel pass, sostna Chris Said, li sostna li issa dan il-messaġġ se jintbgħat lill-Kummissjoni Venezja.

Hu appella biex jitressqu l-emendi kostituzzjonali li hemm bżonn u sostna li l-Oppożizzjoni se tappoġġja lill-gvern biex jissaħħaħ il-pilastru tal-ġudikatura biex id-drittijiet tal-poplu jkunu salvagwardjati.

Hu qal li fil-ħatra tal-Kummissarju tal-Puliizja, il-Gvern ma ħax l-istess pożizzjoni u sostna li l-poplu jrid istituzzjonijiet li jissalvagwardjawlu d-dirttijiet tiegħu.