Internazzjonali

Tajlandja: Iljunfanti f’periklu fost kriżi għat-turiżmu

 ‘Il fuq minn elf iljunfant fit-Tajlandja jinsabu f’periklu li jmutu bil-ġuh minħabba li t-turiżmu lejn il-pajjiż sofra daqqa kbira waqt il-firxa tal-coronavirus.

L-assenza kważi totali tat-turisti u nies li s-soltu jattendu għall-avvenimenti popolari bl-iljunfanti tfisser li s-sidien ta’ dawn l-annimali qed isibuha diffiċli biex jaffordjaw l-ikel għal madwar 4,000 iljunfant li qed jinżammu barra l-abitat naturali tagħhom.

Is-sorsi qrib il-Fondazzjoni Save the Elephant sadanittant wissew li f’nuqqas ta’ għajnuna għal dawn l-iljunfanti, ħafna minnhom se jispiċċaw imutu bil-ġuh jew jitħallew jiġru fit-toroq.

Hemm ukoll il-possibbiltà li wħud minn dawn l-annimali jinbiegħu lis-sidien taz-zoos jew jintużaw illegalment għal xogħol qalb foresta li jinvolvi, fost oħrajn, it-twaqqigħ tas-siġar. L-iljunfanti ilhom mill-1989 ipprjobiti minn dan ix-xogħol, magħruf bħala ‘logging’, bl-osservaturi, issa, qegħdin ibassru destin ikrah għal dawn l-annimali fit-Tajlandja f’każ li ma tingħatax għajnuna finanzjarja speċifika b’mod immedjat.

Filwaqt li kull żmien jinvolvi impenn qawwi għas-sidien biex imantnu lill-iljunfanti li qed jintużaw għal programmi ta’ spettaklu, is-sitwazzjoni, issa, saret aktar estrema.

Dan minħabba li l-pajjiż, fil-preżent, għaddej minn staġun ta’ nixfa u meta ‘ma fadalx biżżejjed foresta’ għal dawn l-annimali biex isibu s-sorsi tal-ikel bil-mod naturali.