Lokali Qorti

Tliet snin ħabs fuq hold-up f’Bormla

Pier Paul Buttigieg ta’ 45 sena minn Birkirkara, iżda  residenti ż-Żurrieq, u li qal fil-Qorti li m’għandux impieg ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li wettaq hold-up meta seraq flus kontanti minn ħanut f’Bormla. Huwa kien ilu qed mfittex mill-Pulizija għal dawn l-aħħar sitt ġimgħat,

Ir-raġel kien qed jiġi mfittex mill-pulizija b’rabta ma’ din il-hold up li seħħet fis-16 ta’ Marzu li għadda. Huwa nqabad nhar it-Tlieta, 31 ta’ Marzu għall-ħabta tal-11:00am. meta l-Pulizija ċċirkondaw residenza fiż-Żurrieq wara li waslitilha informazzjoni, li kien qiegħed hemm għal dawn l-aħħar sitt ġimgħat. Irriżulta li din kienet qed tistaħba.

L-informazzjoni li kellha l-Pulizija kienet waħda pożittiva u malli nduna bil-preżenza tal-Pulizija, ir-raġel ipprova jaħrab billi beda jaqbeż minn fuq il-bjut tar-residenzi, bil-Pulizija jsegwuh fejn ġie arrestat ftit wara.

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu, dik li wettaq il-hold-up, seraq ammont ta’ flus, li żamm persuna kontra l-volontà tiegħu u li kiser kundizzjoni tal-Qorti. 

Wara li talbu jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu, li għal darba oħra huwa kkonferma, l-Maġistrat Victor Axiak sabu ħati u kkundannah tliet snin ħabs u ordna sabiex jitpoġġa fuq ordni ta’ trattament. Huwa ġien mmultat ukoll €116.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lydon Zammit u Eman Hayman.  Ir-raġel mistenni jerġa’ jitressaq il-Qorti fuq akkużi oħrajn wara li kien imfittex ukoll b’rabta ma’ każijiet ta’ serq minn pompi tal-petrol, serq minn vetturi u serq ieħor.