Internazzjonali

Veneżwela: Il-Gvern ta’ Maduro jirrifjuta proposta Amerikana għall-qsim tal-poter

Il-Gvern tal-Veneżwela insista li mhu se jaċċetta ‘qatt’ il-proposta tal-Istati Uniti għat-twaqqif ta’ amministrazzjoni proviżorja, f’Caracas, li tinkludi membri tal-Partit tal-President Veneżolan Nicolas Maduro u l-Partit tal-Kap tal-Oppożizzjoni ewlieni, Juan Guaido.

Il-proposta tesiġi li din l-amministrazzjoni għandha twitti t-triq għal elezzjonijiet fil-Veneżwela fi żmien sitt xhur jew sena, iżda Jorge Arreaza, il-Ministru tal-Veneżwela li hu responsabbli mill-Affarijiet Barranin, insista li l-Gvern ta’ Maduro mhux se jikkunsidra din il-possibbiltà.

Dan minkejja li l-Istati Uniti offriet li tneħħi s-sanzjonijiet riġidi għall-Veneżwela, f’każ li l-mexxejja ta’ dan l-Istat Latin-Amerikan jaqblu biex jaqsmu l-poter mal-partit ta’ Guaido.

L-Istati Uniti, din il-ġimgħa, sejħet biex Juan Guaido, għalissa, ma jkomplix jinsisti bid-dritt għall-Presidenza tal-Veneżwela, b’Washington qed jikkunsidra strateġija differenti biex jitwarrab mill-poter Nicolas Maduro.

Guaido, li insista dwar il-ħtieġa ‘urġenti’ ta’ Gvern ta’ tranżizzjoni ġdid għall-Veneżwela, hu rikonoxxut bħala l-Mexxej proviżorju ta’ dan il-pajjiż mill-Istati Uniti, kif ukoll minn 60 pajjiż ieħor.

L-Istati Uniti ilha sena tipprova tqaċċat lil Maduro, li hu politiku tax-xellug bi Guaido, fl-aħħar jiem, jispiċċa taħt aktar pressjoni, fejn l-awtoritajiet fil-Veneżwela qegħdin jakkużawh b’attentat ta’ kolp ta’ stat. Maduro, s’issa, irreżista għat-tentattivi kollha biex jitwarrab meta l-Veneżwela ilha żmien f’morsa ta’ kriżi politika u ekonomika – b’4.8 resident jaħarbu mill-pajjiż.

Intant, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, qed jinsisti biex Maduro u Guaido jaqblu dwar Gvern proviżorju li kapaċi jaħdem lejn elezzjonijiet ġodda – bil-pjan ta’ Washington isejjaħ ukoll biex jitilqu l-qawwiet barranin mill-Veneżwela. L-aħħar parti tal-pjan qed tidher bħala referenza għall-appoġġ li r-reġim ta’ Maduro qed jingħata mingħand Kuba u r-Russja.