Lokali

Vikings Sailing Club jaħtru l-ewwel mara bħala Commodore

Matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Vikings Sailing Club, li nżammet aktar kmieni din is-sena, Sandra Agius Darmanin inħatret dik li f’termini tat-tbaħħir tissejjaħ bħala Commodore, jew il-President tal-Klabb.

Sandra, li hi wkoll tipprattika l-ibburdjar, hi l-ewwel mara li nħatret f’din il-kariga u ser tkun qed tmexxi l-Klabb fiż-żmien li ġej bl-għan aħħari li tħeġġeġ lill-pubbliku adult u anke lil dawk ta’ età iżgħar biex jibdew jipprattikaw din id-dixxiplina sportiva u jagħmlu użu mill-faċilitajiet li joffri l-Vikings Sailing Club.

Minbarra l-akkwist tas-sengħa tal-ibburdjar, il-Klabb joffri esperjenza unika ‘l barra mir-rutina tas-soltu, f’ambjent familjari u ta’ ħbiberija bl-għajnuna ta’ għalliema b’ammont sostanzjali ta’ snin ta’ esperjenza u mħabba lejn l-isport.

Min jattendi jkollu s-sodisfazzjon li qed titgħallem teknika ġdida, bis-sehem ta’ professjonisti u oħrajn li jattendu u jipprattikaw dan l-isport għas-sodisfazzjon personali tagħhom.

Min jixtieq jipparteċipa għal dan l-isport, li jkun prattikat matul is-sena kollha, jista’ jikkuntattja lill-Vikings Sailing Club fuq 79964597 jew b’email lil vikingssailclub@gmail.com.