Ambjent Lokali

10 għaqdiet ipoġġu pressjoni fuq il-Gvern

10 organizzazzjonijiet non-governattivi (NGOs) li jaħdmu fl-oqsma tal-Ambjent u l-Kultura qed jappoġġjaw is-sejħa li BirdLife Malta għamlet fl-aħħar jiem lill-Prim Ministru Robert Abela biex ma jinfetaħx l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa għal din is-sena.

L-NGOs Nature Trust-FEE Malta, Friends of the Earth Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Greenhouse Malta, Moviment Graffitti, Bicycle Advocacy Group, Din l-Art Ħelwa, Futur Ambjent Wieħed, Animal Liberation Malta u Ramblers’ Assocation of Malta qed itennu din il-pożizzjoni fid-dawl tal-appelli li qed isiru biex kulħadd jibqa’ f’daru sakemm mhux għal xi bżonn. Għalhekk, hu atroċi li l-Gvern iħalli eluf ta’ kaċċaturi joħorġu biex jikkaċċjaw.

Dan filwaqt li tennew l-appell tagħhom li l-Kaċċa fir-Rebbiegħa mhix sostenibbli, kif ukoll li n-nuqqas li jeżisti fir-riżorsi meħtieġa jfisser biss massakru għall-għasafar protetti.

L-NGOs qed jgħidu lill-Gvern għandu jara li l-pajjiż jitgawda minn kulħadd u mhu minn grupp żgħir ta’ persuni b’interessi uniċi u li qed jiġu pprivileġġjati kull darba li jkunu jridu.

L-FKNK minn naħa tagħha esprimiet sodisfazzjon dwar din id-deċiżjoni tal-Gvern, anki peress li din hija bbażata fuq waħda mill-proposti li l-FKNK ressqet lill-Ministru Clint Camilleri aktar kmieni dan ix-xahar. Huma qalu li kienu għamlu wkoll proposta oħra biex fl-istess perjodu tkun permessa kaċċa b’aktar limitazzjonijiet għall-gamiem.

Il-Federazzjoni qalet li l-ftuħ tal-istaġun m’hu se jibdel xejn mid-direttivi li qegħda toħroġ l-Awtorità tas-Saħħa minn żmiem għal żmien, liema direttivi l-FKNK ħeġġet li kullħadd għandu jsegwi, inkluż il-kaċċaturi.