Futbol Sport

76 SENA ILU: Valletta jirbħu l-Malta Cup kontra Floriana, l-ewwel unur ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija

(Ritratt: In-Nazzjon)

2 TA’ APRIL 1944

Il-klabb Valletta FC hu rinomat bħala wieħed mill-aktar timijiet li kiseb suċċessi fil-futbol lokali. Fl-ewwel snin tal-futbol organizzat f’pajjiżna, kienu t-timijiet ta’ Floriana u Sliema li ddominaw u meta ma kinux jirbħu huma, ħafna drabi kienet tittieħed bħala sorpriża. Il-Beltin huma l-aktar klabb li rebaħ unuri minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Ironikament, l-ewwel unur tagħhom kienet proprju l-ewwel kompetizzjoni uffiċjali wara l-perjodu tat-Tieni Gwerra Dinjija fejn il-futbol kien wieqaf.

Fl-istaġun 1943/44, il-Malta Football Association kienet ħolqot il-Malta Cup minflok il-kampjonat. Fil-bidu deher li din il-kompetizzjoni kienet se tkun l-ekwivalenti iżda l-MFA iddeċidiet li tilgħab fuq bażi ta’ knock-out. Qabel il-Gwerra, Valletta kellhom aktar minn tim wieħed u minħabba ordijiet tal-MFA, iż-żewġ timijiet li kien fadal attivi jiġifieri Valletta Prestons u Valletta St. Paul’s, kienu ngħaqdu flimkien u għamlu l-isem ta’ Valletta F.C. Fil-logħbiet tal-Malta Cup, il-plejers Beltin kienu libsu l-kuluri tal-Prestons – flokk abjad u shorts iswed.

Fil-partiti tal-ftuħ, Valletta FC għelbu lil St. Joseph 3-2. Huma bnew vantaġġ doppju fl-ewwel 20 minuta permezz ta’ gowls mill-Ingliż Joe Austin u Emanuele Curmi, sakemm il-Misidjani wettqu reazzjoni fit-tieni taqsima u ġabu d-draw minn Azzopardi fis-56 minuta u Hewitt minn penalty fis-76 minuta. Valletta skorjaw il-gowl tar-rebħa fl-aħħar minuti. Fis-semifinali, Valletta lagħbu kontra St. George’s quddiem attendenza tajba. Il-Beltin rebħu 2-1 b’gowl ta’ Emanuele Curmi fl-24 minuta u Anthony Borg irdoppja b’xutt b’saħħtu. Conner naqqas id-distakk kwarta mit-tmiem b’daqqa ta’ ras. Fis-semifinali l-oħra, Floriana eliminaw lil Sliema Athletics 4-2.

Il-finali ntlagħbet fit-2 ta’ April tal-1944, proprju bħal-lum 76 sena ilu.  Din il-finali reġġgħet iż-żmien lura lejn l-1910 meta Floriana FC kienu rebħu 2-0 kontra Valletta United u kisbu n-National Ground Cup. Fl-1929,  iż-żewġ timijiet reġgħu lagħbu fil-finali din id-darba fl-Empire Sports Ground. Floriana reġgħu ħarġu rebbieħa bl-iskor skor biex rebħu l-Empire Sports Ground Cup. Għal din il-finali, it-tim Belti kien magħmul minn plejers żgħażagħ filwaqt li Floriana kienu l-favoriti b’diversi plejers stabbiliti għal dak iż-żmien.

Kienu Floriana li fetħu l-iskor wara ħames minuti permezz ta’ Wyllie. Valletta marru viċin b’daqqa ta’ ras ta’ Anthony Borg li laqtet il-lasta iżda sitt minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Valletta ġabu d-draw. Joseph Lofaro ġab id-draw b’xutt tajjeb wara li kkonkluda azzjoni bejn Heatley u Mee. Il-gowl tar-rebħa wasal sitt minuti mit-tmiem, b’xutt mill-bogħod tal-winger Anthony Borg li nganna lil Pearson, bil-ballun jidħol fix-xibka minn taħt il-mimduda.

Dan l-unur kien il-bidu ta’ aktar suċċessi fl-ewwel snin ta’ wara l-Gwerra. Huma rebħu l-kampjonat tliet darbiet fl-istaġuni 1944/45, 1945/46 u 1947/48 filwaqt li fl-istess staġun tal-Malta Cup jiġifieri 1943/44, Valletta rebħu wkoll il-Cassar Cup.