L-eks plejer Ungeriż Ferenc Puskas twieled bħal-lum fl-1927, jiġifieri 93 sena ilu. Hu meqjus bħala l-aqwa plejer fl-istorja tal-futbol fl-Ungerija u wieħed mill-aqwa fi żmienu. Puskas trabba f’Kispest barra l-kapitali Budapest u għamel id-debutt mat-tim fl-età ta’ 16-il sena. Ma’ dan it-tim, li wara t-Tieni Gwerra Dinjija bidel ismu għal Honved, rebaħ ħames kampjonati Ungeriżi fl-istaġun 1949/50, 1950, 1952, 1954 u 1955.
Hu ħalla lil Honved fl-1958 biex ingħaqad ma’ Real Madrid. Flimkien ma’ Alfredo di Stefano, hu fforma waħda mill-aqwa koppji perikolużi fid-dinja. Hu kien strumentali biex Real Madrid rebħu ħames kampjonati konsekuttivi bejn l-1961 u l-1965 u tliet Tazzi taċ-Champions.
Mat-tim nazzjonali Ungeriż, Puskas lagħab bejn l-1945 u l-1956 u skorja 83 gowl f’84 logħba. F’dak il-perjodu, l-Ungeriżi kellhom tim fenomenali u Puskas mexxa lit-tim nazzjonali biex rebaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Helsinki tal-1952. Iżda diżappunt għall-Ungeriżi f’dak iż-żmien hu li ma rnexxielhomx jirbħu t-Tazza tad-Dinja. Huma resqu viċin fl-1954 iżda kienu megħluba fil-finali mill-Ġermanja tal-Punent 3-2. Bejn l-1950 u l-1956 huma kienu megħluba biss f’dik il-logħba.
Fl-1961, Puskas sar ċittadin Spanjol u sena wara saħansitra lagħab ma’ Spanja fit-Tazza tad-Dinja tal-1962 għalkemm ma skorjax. Ix-xellugi Ungeriż irtira fl-1966 u beda karriera ta’ kowċ li damet sal-1993 meta mexxa lill-Ungerija. Fis-sena 2000 sar magħruf li kien qed ibati mill-Alzheimer. Sentejn wara, l-istadium f’Budapest issemma għal Puskas. Hu miet fis-17 ta’ Novembru tal-2006 fl-età ta’ 79 sena.
//= $special ?>