Coronavirus Lokali Unjoni Ewropea

Adrian Delia jitlob laqgħa urġenti bejn il-Mexxejja tal-PPE dwar il-politika tal-Fidesz

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia talab lill-President tal-Partit Popolari Ewropew Donald Tusk biex isejjaħ laqgħa b’videconference għall-Mexxejja tal-Partiti membri fil-PPE biex ikun diskuss il-mod kif leġislazzjoni approvata mill-Parlament Ungeriż tista’ thedded il-valuri li tħaddan din il-familja politika.

Dan wara li fil-jiem li għaddew, il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban, Mexxej tal-Partit Fidesz li wkoll hu membru tal-PPE, ressaq Mozzjoni fil-Parlament lokali li tara li jissaħħulu l-poteri politiċi tiegħu. Qal li dan kien bżonnjuż biex jegħleb l-isfidi li ġab miegħu l-Coronavirus f’pajjiżu.

Madankollu, il-politika ta’ Orban diġà kienet taħt il-lenti tal-awtoritajiet Ewropej, fost l-oħrajn għan-nuqqas ta’ politika xierqa dwar is-Saltna tad-Dritt.

F’dan il-kuntest, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li wasal iż-żmien li l-membri kollha fil-PPE jibdew jitkellmu b’vuċi waħda kontra d-deċiżjonijiet politiċi tal-Fidesz.

Kien għalhekk li Adrian Delia talab lill-President Tusk isejjaħ il-laqgħa, li minnha nfisha għandha twassal għat-triq ‘il quddiem fir-relazzjoni bejn l-akbar familja politika fil-Parlament Ewropew mal-Partit Fidesz.

It-talba ta’ Adrian Delia ġibdet l-attenzjoni wkoll ta’ diversi siti elettroniċi li jsegwuha l-politika Ewropea. Fosthom is-sit elettroniku neweurope.eu.