Coronavirus Futbol Sport

Club Brugge mistennija jkunu ddikjarati champions tal-Belġju

(Ritratt: EPA)

Club Brugge huma mistennija li jkunu nkurunati champions tal-Belġju wara li l-Bord tad-Diretturi tal-Jupiler Pro League rrakkomandaw li l-istaġun għandu jintemm kmieni minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Ir-rakkomandazzjoni li saret illum, għandha bżonn li tkun ratifikata waqt laqgħa tal-Assemblea Ġenerali fil-15 ta’ April, proċess li mistenni jkun biss formalità. Club Brugge kienu 15-il punt vantaġġ b’logħba għat-tmiem l-istaġun regolari Belġjan. Normalment wara din il-fażi fl-istaġun regolari, l-ewwel sitt timijiet jikkompetu f’format ta’ play-off biex jiġi ddeterminat ir-rebbieħ.