Internazzjonali

Coronavirus: L-imwiet fl-Istati Uniti jaqbżu l-5,000

L-imwiet mill-pandemija tal-coronavirus fl-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, qabżu l-5,000. Intlaħaq ukoll rekord ġdid ta’ vittmi – 884 — għal jum fil-pajjiż, skont il-Johns Hopkins University li qed isegwi kontinwament id-data relatata mal-virus madwar id-dinja.

L-aħħar vittmi tal-Covid-19 kienu jinkludu tarbija ta’ sitt ġimgħat. Dan meta fl-Istati Uniti hemm ‘il fuq minn 216,000-il infettat – l-ogħla ċifra fid-dinja.

Intant, kważi spiċċaw eżawriti t-tagħmir protettiv u l-provvisti mediċi fl-Istati Uniti fejn il-Gvern federali u l-Istati Amerikani partikulari qed ‘jikkompetu’ ma’ xulxin għalihom. Fl-istess ħin, il-Gvern tal-President Amerikan, Donald Trump, qal li kapaċi jikseb il-provvisti adekwati biex jikkonfronta l-emerġenza, fost ilmenti mill-uffiċjali fl-Istati Amerikani rispettivi dwar nuqqas ta’ ventilators li jgħinu lill-pazjenti biex jieħdu n-nifs.

Il-Viċi-President Amerikan, Mike Pence, wissa li l-Istati Uniti qed tidher viċin li taqbad l-istess direzzjoni traġika bħall-Italja, fejn il-vittmi tal-coronavirus qabżu t-13,000.