Il-kowċ nazzjonali Ingliż Eddie Jones iffirma kuntratt ġdid li se jżommu sat-Tazza tad-Dinja tal-2023 fi Franza. Il-kuntratt eżistenti ta’ Jones kien jintemm f’Lulju tas-sena d-dieħla, iżda hu kien f’diskussjonijiet dwar il-futur tiegħu minn wara li l-Ingilterra tilfet il-finali tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Afrika ta’ Isfel f’Novembru li għadda.
Jones li għandu 60 sena, hu l-aktar kowċ imħallas fir-rugby internazzjonali b’salarju ta’ madwar €1 miljun, għalkemm ix-xahar li għadda, hu aċċetta li jnaqqas is-salarju b’aktar minn 25 fil-mija, wara li r-rugby wkoll ġie sospiż minħabba l-pandemija tal-coronavirus.
Wara li ffirma l-kuntratt, Jones għamel referenza għaż-żmien diffiċli li d-dinja qed tiffaċċja u ammetta li ma kienx il-ħsieb tiegħu li jdum f’din il-kariga għal dan iż-żmien kollu. Minbarra li wassal lit-tim sal-finali tat-Tazza tad-Dinja, Jones għen lit-tim Ingliż biex jirbaħ żewġ titli tas-Six Nations kif ukoll rebaħ 78% tal-logħbiet, l-ogħla persentaġġ għal kowċ nazzjonali Ingliż.
//= $special ?>