Lokali Qorti

“Ħatra storika fl-istorja tal-ġudikatura” – il-Kamra tal-Avukati

Il-Kamra tal-Avukati, bħala r-rappreżentanta tal-professjoni legali f’Malta, tifraħ lill-Imħallef Mark Chetcuti għall-ħatra tiegħu bħala l-Prim Imħallef il-ġdid.

Fi stqarrija, il-Kamra qalet li tilqa’ bi pjaċir din il-ħatra u tirrikonoxxi li dan hu mument storiku fl-istorja tal-ħatriet tal-ġudikatura Maltija, fejn għall-ewwel darba, l-għażla tal-Prim Imħallef saret bi qbil unanimu bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.

Il-Kamra qalet li l-għaxar snin esperjenza tiegħu fil-ġudikatura żgur li se jkunu ta’ ġid kbir fil-ħatra l-ġdida, filwaqt li tittama li l-għerf, it-tagħrif u l-esperjenza li l-Prim Imħallef kiseb bħala membru tal-ġudikatura jservuh fil-ħidma li jiżgura li l-ġudikatura taqdi l-mandat tagħha fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna, mingħajr biża’ jew favuri.

Il-Kamra ħadet ukoll l-opportunità biex tirringrazzja lill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi għas-servizz tiegħu u talli dejjem kien lest jiltaqa’ ħalli jiddiskuti u jikkollabora mal-Kamra fl-aħjar interess tal-ġustizzja.