Coronavirus Internazzjonali

“Id-dinja tinsab viċin il-miljun persuna infettata” – WHO

Il-kap tal-WHO sostna li aktar minn miljun persuna minn madwar id-dinja ser ikunu infettati bil-Covid-19. Dan in-numru għandu jintlaħaq fi ftit jiem oħra.

Huwa qal li l-WHO għandha tiddiskuti jekk hux se tibdel il-parir tagħha u tippromwovi aktar l-użu tal-maskri. L-organizzazzjoni qed tikkunsidra din il-miżura għax in-numri li qed tara quddiem wiċċha huma kbar.

Infatti nhar it-Tlieta, il-gvern Ċek sostna l-importanza tal-ordni tiegħu li kulħadd jilbes maskra meta joħroġ minn daru, fejn qal li dawn huma importanti għall-protezzjoni tal-oħrajn. Issa pajjiżi oħra wkoll qed jikkunsidraw il-miżura tal-ilbies ta’ maskri fil-pubbliku.

“Id-dinja tinsab viċin il-miljun persuna infettata, u dan in-numru se jinqabeż sew” – Tedros Adhanom Ghebreyesus

In-numru ta’ każijiet ikkonfermati fid-dinja huwa dak ta’ 932,605, filwaqt li sa issa hemm reġistrati aktar minn 46,800 mewta.

Ċifri bħal dawn qed ikomplu jniżżlu tħassib hekk kif il-WHO qed tgħid li jaf ma jibqax biżżejjed ilbies protettiv għall-ħaddiema tas-settur tas-saħħa.