Ambjent Lokali

Ikompli t-tqaċċit tas-siġar f’Ħal Balzan

Ikomplu l-qerda u t-tqaċċit tas-siġar bl-iskuża tal-proġetti infrastrutturali ppjanati għax-xhur li ġejjin. Fost l-oħrajn, dan id-destin mess ukoll lis-siġar f’Ħal Balzan, fejn għaddejjin il-preparamenti għall-proġett tas-Central Link. Dan il-ġest tal-Gvern qed iwassal għall-kritika ta’ ħafna entitajiet ambjentali, filwaqt li residenti Balzanin u dawk ta’ lokalitajiet fil-qrib esprimew l-għadab tagħhom.

Magħhom ingħaqad ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li, fuq Twitter, kiteb li l-Gvern għandu prijoritajiet żbaljati. Minflok, il-Gvern għandu jżomm f’moħħu li s-siġar huma l-aktar kontributur importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Anke l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jappella lill-Gvern biex, jekk verament irid itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu, għandu jara li jinbnew u jissaħħu inizjattivi favur il-ħarsien tas-siġar eżistenti u jara li jitħawlu siġar ġodda għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Dan filwaqt li jitħarsu u jkunu protetti siġar eżistenti.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li bil-qerda tas-siġar li qed iwettaq il-Gvern, pajjiżna se jispiċċa b’defiċit ta’ siġar. U minkejja li qed jitħawlu siġar ġodda, dawn għadhom żgħar wisq biex iservu ta’ pulmun għall-arja mniġġsa bid-dħaħen tal-vetturi. Għaldaqstant, il-Gvern għandu jara li fil-proġetti li jkun qed jaħdem fuqhom, ma ssir l-ebda qerda ta’ siġar.

Filwaqt li kkundanna kull deċiżjoni irresponsabbli li qed twassal għall-qerda tas-siġar, il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-politika tiegħu hi favur it-tijib tal-kwalità tal-ħajja f’kull aspett, fejn ma nistgħux inkunu indifferenti meta kaġun tal-ħmieġ fl-arja, qed naraw tant imwiet prematuri.