Coronavirus Lokali

Il-Gvern għandu l-obbligu jwieġeb – Adrian Delia

Għall-Partit Nazzjonalista, l-ewwel prijorità tibqa’ saħħet il-poplu kollu f’din il-ġirja kontra l-ħin. U filwaqt li l-Professjonisti mediċi qed jagħmlu sagrifiċċji kbar, anke għal saħħithom, sodda jew ventilatur anqas, jafu jfissru ħajja ta’ bniedem.

Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn elenka n-nuqqasijiet tal-Gvern fid-deal korrott li wassal biex tliet Sptarijiet Pubbliċi għaddew għand il-Privat u nsterqu minn ħalq il-poplu.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri u mill-Kelliem għall-Finanzi Mario de Marco.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar il-kronoloġija tal-fatti, fost l-oħrajn kif, skont il-ftehim, Vitals Global Healthcare u aktar tard Steward Healthcare kellhom iżidu aktar minn 800 sodda fl-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Minflok, tal-Vitals għamlu dejn ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ ewro, filwaqt li l-Gvern ċeda garanzija bankarja ta’ €9 miljun. Agħar minhekk, fl-aħħar jiem saret magħrufa l-klawsola li anke jekk jonqsu ta’ Steward… il-Gvern iħallas €100 miljun minn flus il-poplu.

F’din is-sitwazzjoni sensittiva, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista lesta tappoġġja lill-Gvern biex il-pajjiż jieħu lura dak li hu tagħna lkoll bi dritt.

Min-naħa tiegħu, Stephen Spiteri qal li, anke bħala Tabib, jara l-bżonn li jittellgħu l-pre-fabricated hospitals ladarba pajjiżna spiċċa mingħajr sptarijiet li jikkumplimentaw il-ħidma professjonali li qed issir fl-Isptar Mater Dei.

Dan fid-dawl tal-falliment li rriżulta fil-kuntratt biex it-tliet sptarijiet marru għand il-Privat. Hu għalhekk li l-Gvern irid ikun proattiv u mhux aktar reattiv, filwaqt li l-Oppożizzjoni se tkompli tagħti kontribut responsabbli f’din il-ġlieda li qed tħalli ħerba kullimkien.

U Mario de Marco qal li llum kulħadd hu konvint li d-deal tat-tliet sptarijiet kien serqa … deal li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tal-Gvern kollu, partikolarment tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li suppost jassigura li l-finanzi pubbliċi jintużaw kif suppost.

Mario de Marco tenna li l-Ministru Scicluna qed jabdika mir-responsabbiltà tiegħu, f’każ klassiku ta’ kif m’għandux ikun sħab bejn il-Gvern u l-Privat jew xi forma ta’ kuntratt ieħor.

Fid-dawl ta’ dan it-tħassib espress mill-poplu kollu, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jappella lill-Gvern biex iwieġeb, partikolarment f’dawn iż-żminijiet meta l-aktar li għandna bżonn ninvestu fil-qasam tas-Saħħa.