Internazzjonali

Il-Pakistan: Irtirata l-piena kapitali għar-raġel ikkundannat dwar il-qtil tal-ġurnalista Daniel Pearl

Il-Pakistan irtira s-sentenza tal-mewt għall-estremista Iżlamiku li kien insab ħati dwar il-qtil, fl-2002, tal-ġurnalista Amerikan Daniel Pearl.

Il-qtil brutali ta’ Pearl, li kien inħataf fil-belt ta’ Karachi, ixxukkjat lid-dinja iżda issa ttieħdet deċiżjoni biex is-sentenza massima imposta fuq l-ikkundannat, Ahmed Omar Saeed Sheikh – li ilu miżmum il-ħabs mill-2002 – titnaqqas għal seba’ snin priġunerija.

L-avukat ta’ Saeed Sheikh qal li l-akkużi fil-konfront tal-klijent tiegħu ma kenux ġew ippruvati u, għaldaqstant, is-sentenza ta’ Saeed Sheikh ġiet imnaqqsa għal seba’ snin b’konnessjoni mal-ħtif tal-ġurnalista.

Dan ifisser ukoll li Ahmed Omar Saeed Sheikh jista’ jispiċċa liberu fi kwistjoni ta’ ġranet, wara li skonta diġà 18-il sena priġunerija.

Tliet irġiel oħra li kienu kundannati l-ħabs għal għomrohom b’konnessjoni mal-qtil tal-ġurnalista, issa, ingħataw il-libertà wara verdett ta’ maħfra mill-Qorti Għolja ta’ Sindh.

Daniel Pearl, li kien jirrapporta għall-Wall Street Journal, spiċċa f’idejn l-aggressur jew aggressuri tiegħu f’Jannar tal-2002 fi żmien meta hu kien qed jagħmel ir-riċerka dwar l-attivitajiet tal-militanti Iżlamiċi f’Karachi.

Il-ħtif seħħ ftit tax-xhur wara l-attakki terroristiċi storiċi mill-moviment al-Qaeda fuq l-Istati Uniti.

Xahar wara l-ħtif, l-awtoritajiet qalu li Pearl kien spiċċa maqtul, meta huma rċevew filmat li wera l-aħħar mumenti xokkanti fil-ħajja tal-ġurnalista, li spiċċa b’rasu maqtugħa.

Ftit taż-żmien wara, Ahmed Omar Saeed Sheikh kien spiċċa kkundannat minn qorti għal kontra t-terroriżmu, iżda minn dak iż-żmien ‘il hawn kienu preżentati diversi każi li xeħtu dubju fuq il-verdett u l-każ, fost id-domandi sussegwenti.

Grupp ta’ ġurnalisti Amerikani, fosthom eks kollegi ta’ Pearl, snin ilu, sostnew it-twemmin tagħhom li ma kienx, fil-fatt, Saeed Sheikh li qatel lill-ġurnalista.

L-hekk-imsejjaħ Pearl Project jallega li l-qtil kien seħħ minn estremista ieħor, Khalid Sheikh Mohammed, li qed jinżamm priġunier fil-kumpless ta’ Guantanamo (f’Kuba), fost akkużi li kien strumentali fl-attakki storiċi ta’ Settembru tal-2001 fuq l-Istati Uniti.