Kummerċ Lokali

Il-prezz tal-petrol f’Malta huwa t-tielet l-ogħla fl-Unjoni Ewropea

Malta għandha t-tielet l-ogħla prezz tal-petrol fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-ogħla prezz mingħajr dazji u taxxi. Il-prezz medju tal-petrol, li jinkludi id-dazji u t-taxxi, fis-27 stati membri tal-Unjoni Ewropea huwa anqas minn 1.23 ewro kull litru, dan ifisser 18-il ċenteżmu orħos minn Malta.

Il-President tal-Malta Autombiole Club Alfred Farrugia qal li bil-prezz ta’ 1.41 ewro kull litru, bid-dazji u t-taxxi b’kollox, huwa t-tielet l-ogħla fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, wara dak tal-Olanda u l-Italja.

Fl-Ungerija, l-prezz tal-petrol huwa ta’ 84 ċenteżmu kull litru, li jfisser 57 ċenteżmu orħos minn Malta! Il-Gvern qed jiġbor 76 ċenteżmu f’dazji u taxxi fuq kull litru ta’ petrol. Għaliex hemm il-ħtieġa li l-Gvern jagħmel dan il-profitt kollu fuq dan l-ammont?, staqsa Farrugia.

Il-President tal-MAC staqsa wkoll minn fejn il-kumpanija Enemed qed timporta l-provvisti tal-petrol? Bi prezz ta’ 64.6 ċenteżmu kull litru, il-prezz tal-petrol huwa l-ogħla meta mqabbel mas-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Il-prezz tal-petrol medju tal-petrol mingħajr taxxi u dazji fl-Unjoni Ewropea huwa ta’ 40.7 ċenteżmu kull litra, kważi 24 ċenteżmu orħos minn Malta. Fil-Belġju, il-prezz tal-petrol, mingħajr taxxi u dazju huwa ta’ 27.4 ċenteżmu kull litru, 37 ċenteżmu orħos minn Malta!

Huwa possibbli li l-Enemed tesplora minn fejn il-Belġju qegħda timporta l-petrol tagħha? Farrugia saħaq li l-Prim Ministru jtenni li l-Gvern huwa favur is-suq ħieles. Għaldaqstant meta se jkun il-waqt li s-settur tal-petrol se jibda jibbenifika mill-forzi tas-suq ħieles f’Malta?

Meta se jasal iż-żmien li l-monopolju li qed jitgawda mill-Enemed fis-settur tal-petrol se jitneħħa? Għaliex is-suq lokali jinsab f’idejn il-Gvern? Meta se jkun il-waqt li r-rappreżentanti lokali ta’ kumpaniji barranin se jibdew jitħallew li jikkompetu bil-kunċett ta’ ‘level playing field’ u għalhekk f’suq ħieles bejniethom fuq l-importazjoni, l-ħażna u l-bejgħ tal-petrol?

Farrugia finalment staqsa dwar – meta se jasal il-waqt li l-Kummissjoni Ewropej tqum mir-raqda biex tiżgura li l-konsumaturi Maltin igawdu mill-benefiċċji tas-suq ħieles fis-settur tal-petrol, bħal konsumaturi kollha mal-Unjoni Ewropea kollha?