Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-prezz għal kull prodott essenzjali li jinbiegħ għandu jkun prezz ġust. Dan jgħodd aktar u aktar meta fil-mument għandna sitwazzjoni ta’ periklu għas-saħħa tal-poplu minħabba l-biża’ li ġġib magħha l-pandemija.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd Edwin Vassallo, il-PN jinnota iżda li lanqas mhu ġust li issa għandna każijiet fejn żieda fil-prezz tal-laħam għall-konsumatur tista’ faċilment tkun ukoll ikkawżata mill-Gvern, b’żieda fl-ispiża tal-preparazzjoni tal-laħam taċ-ċanga. Skont informazzjoni mogħtija b’risposta Parlamentari, lMinistru Refalo ammetta li l-Gvern b’deċiżjoni tiegħu, l-ispiża tal-preparazzjoni għaċ-ċanga biss, li tinkludi tqattigħ, spulpjar u tindif mix-xaħam, żdied minn €20 sa €30 kull karkassa.
Il-PN jifhem li din l-ispiża żdiedet biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fil-ħidma tal-ħaddiema tal-biċċerija iżda jinnota wkoll li din l-ispiża f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji, il-Gvern kellu jieħu azzjoni biex il-piż ma tintefax finalment fuq il-konsumatur.
Il-PN għalhekk iħeġġeġ lill-Gvern biex spiża bħal din ma tibqax tintalab li titħallas minn minn qed jixtri ċ-ċanga ta’ Malta fil-preżent. Dan meta l-Gvern għandu jgħin biex iżomm ċċanga ta’ Malta tinbiegħ bi prezz, iżjed kompetittiv u mhux titpoġġa fi żvantaġġ maċ-ċanga importata.
//= $special ?>