Coronavirus Lokali

“Inklużjoni, Impenn u Kuraġġ” – Il-Jum Dinji dwar l-Awtiżmu

Din is-sena, il-Jum Dinji dwar l-Awtiżmu ġie fl-isfond ta’ pandemija globali, il-kriżi li faqqgħet minħabba l-virus tal-COVID-19. Filwaqt li din il-kriżi ġabet magħha sfidi għal kulħadd, għal pajjiżi differenti, u l-gvernijiet u r-residenti tagħhom, wieħed ma jistax jinjora l-isfidi partikolari għal dawk il-persuni li ġeneralment isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ vulnerabiità, anki meta ma jkunx hemm kriżi, bħall-persuni b’diżabilità – fosthom persuni fil-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu – u l-familji tagħhom.

Il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, fl-isfond ta’ tali sfidi, ma jistax ikun pro-attiv bl-istess mod ta’ kif altrimenti jkun ideali f’tali sitwazzjoni, billi jorganizza jew jipparteċipa f’laqgħat u avvenimenti differenti, inkonnessjoni max-Xahar Dinji dwar l-Awtiżmu li dejjem iseħħ f’April. Fi snin passati, il-Kunsill ħadem flimkien ma’ entitajiet differenti, bħall-Università ta’ Malta, sabiex jitqajjem għarfien aħjar dwar l-awtiżmu, filwaqt li saru numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ diversi stakeholders, bi preparazzjoni għall-ewwel Strateġija Nazzjonali dwar l-Awtiżmu.

Wara li saru numru ta’ konsultazzjonijiet ma’ persuni u stakeholders differenti, sabiex ġie ppreparat dokument finali u reali f’dan ir-rigward, tali dokument sejjer jiġi varat b’mod xieraq wara li tkun għaddiet din il-kriżi. Sadattant, però, il-Kunsill xorta waħda se jkompli bi sforzi għal aktar għarfien fil-kamp tal-awtiżmu, bil-għan li jkompli jinsisti għall-inklużjoni u għal aktar empowerment ta’ persuni fil-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu u tal-familji tagħhom. Sforzi f’dan il-punt se jinkludu t-tnedija ta’ siti ta’ midja soċjali waqt dan ix-xahar, li permezz tagħhom sejrin jiġu mferrxa artikli ta’ interess nazzjonali, kif ukoll riżorsi bħal dawk konnessi malkampanja Ewropea ta’ Autism-Europe, ‘I can learn. I can work’ (Nista’ nitgħallem. Nista’ naħdem).

Se jiġi varat email dedikat, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jikkomunika aħjar mal-Kunsill li, bħal dejjem, sejjer jgħaddi tali domandi lil dawk l-entitajiet li l-aktar ikunu jistgħu joffru sapport. Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Dizabiità l-Onor. Silvio Parnis, jixtieq jieħu din l-opportunità sabiex jirringrazzja lil dawk il-ħaddiema kollha li qegħdin jaħdmu bla waqfien, u sikwit mingħajr ma jidhru, sabiex titrażżan il-pjaga tal-COVID-19, u partikolarment lil dawk kollha li werew u għadhom juru sensittività għall-bzonnijiet ta’ persuni fil-firxa wiesgħa ta’ awtizmu, u tal-familji tagħhom, f’xogħolhom.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, Alistair de Gaetano, qed isellem ukoll lil dawk l-entitajiet li jagħmlu parti minn dan il-Kunsill, fosthom id-Dipartimenti rilevanti fi ħdan il-Ministeri tal-Politika Soċjali, Saħħa u Edukazzjoni, kif ukoll l-Aġenzija Sapport, il-Kummissjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Dizabilità (CRPD) u l-NGOs, għall-ħidma bla waqfien tagħhom li kompliet bla heda f’dan iż-żmien iebes.