Edukazzjoni Lokali

Ktieb rigal b’avventura ħelwa għat-tfal waqt li qegħdin id-dar – Jista’ jitniżżel bla ħlas minn kulħadd

Il-kittieb u illustratur Ġorġ Mallia kiteb ktieb ta’ avventura għat-tfal, mibni fuq il-kuntest ta’ bħalissa, jiġifieri li t-tfal qegħdin id-dar minħabba li l-iskejjel huma kollha magħluqa. 

Fil-ktieb, iż-żewġ protagonisti żgħar, Melanie u Karl, isibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni u jkollhom diffikultà kbira jifhmu x’se jaqbdu jagħmlu maqfulin id-dar.

Imma s-sitwazzjoni tinbidel meta żżur lil Melanie t-tifla li dwarha tkun qed taqra fi ktieb. U minn hemm tibda avventura fantastika li tista’ ssalva dinja, u anke tgħallem lit-tfal xi ħaġa dwarhom infushom li qatt ma kienu jafu. 

Ġorġ Mallia kiteb dan il-ktieb apposta biex, fil-forma elettronika .pdf, jingħata b’xejn bħala rigal lit-tfal kollha Maltin u Għawdxin, li jkunu jistgħu jniżżluh u jaqrawh fuq il-kompjuters, tablets jew smartphones tagħhom.

Huwa rigal li jgħinhom jgħaddu l-ħin waqt li qegħdin id-dar, u fl-istess ħin jipprovdilhom qari li jogħġobhom, u li hu topiku għaż-żmien li għaddejjin minnu. 

Il-ktieb jista’ jitniżżel b’xejn minn http://www.gorgmallia.com/avventura.html. Ninkoraġixxu lil kulħadd biex jaqrah u jxerrdu kemm jista’, u nittamaw li jkun hawn inizjattivi oħrajn bħal din minn kittieba oħra.