L-Università ta’ Malta ħabbret li f’Lulju li ġej se jiftħu l-applikazzjonijiet għas-sessjoni tal-eżamijiet tal-MATSEC tal-A Levels u l-Intermediates li din is-sena se ssir f’Settembru minflok f’Mejju. Dan kawża tas-sitwazzjoni li żviluppat kaġun tal-Covid-19.
Il-Bord tal-MATSEC iddeċieda li għal din is-sessjoni speċjali ta’ Settembru jistgħu japplikaw ukoll dawk li kienu se jagħmlu l-eżamijiet fit-tieni sessjoni li s-soltu ssir f’Settembru. Fl-istess stqarrija ntqal ukoll li għal din is-sena mhux se jkun hemm it-tieni sessjoni iżda kulħadd qed jintalab japplika għal din is-sessjoni speċjali ta’ Settembru, bl-Università tgħid li l-kandidati prospettivi se jkunu infurmati dalwaqt.
Dan ifisser li għas-sessjoni ta’ resit li se ssir f’Diċembru jistgħu japplikaw biss studenti li jkunu applikaw biex jagħmlu l-eżamijiet tagħhom f’Settembru.
Fi stqarrija, l-Università qalet li l-MATSEC hija kommessa li tipprovdi l-opportunità lill-istudenti li jagħmlu l-eżamijiet biex iġibu l-kwalifiki neċessarji biex ikomplu fit-triq għall-karrieri tagħhom.
Għal aktar tagħrif dwar kif se timxi l-MATSEC tistgħu tidħlu fuq is-sit tal-Università ta’ Malta.
//= $special ?>