Lokali

Mara ssofri ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku fl-Imqabba

Mara ta’ 37 sena residenti l-Imqabba qed issofri minn ġrieħi gravi wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fl-Imqabba.

Għall-ħabta tal-ħdax, il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza fi Triq il-Madonna tal-Ġilju, wara li persuna kienet intlaqtet minn vettura. Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li l-mara sfat milquta minn vettura ta’ tip Honda Fit misjuqa minn mara ta’ 52 sena residenti San Ġwann.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lil vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.