Lokali Qorti

Miċħuda talba ta’ Yorgen Fenech li d-detenzjoni tiegħu hija llegali minħabba s-sospensjoni tas-smigħ fil-Qrati

Il-Qorti ma laqgħetx talba li għamel Yorgen Fenech, akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, dik li d-detenzjoni tiegħu hija waħda llegali fid-dawl tal-fatt li l-Avviżi Legali li ddikjaraw s-sospensjoni indefinita tal-kawżi fil-Qorti minħabba l-COVID-19.

Fil-Qorti l-Avukati ta’ Yorgen Fenech ikkkrikaw bil-qawwa kollha l-Avvużi Legali li ssospendew il-kawżi kollha fil-Qorti, fejn qalu li dawn ċaħdu lill-akkużat mis-salvagwardji ġuridiċi dwar arrest illegali u detenzjoni.

L-Imħallef Edwina Grima semgħat lill-Avukat Ġenerali jargumenta li l-Avviżi Legali kif ippubblikati ma jagħmlux l-arrest illegali, bid-difiża tirribatti l-argument li l-mod kif kienet applikata l-liġi hija waħda ħażina, u mhux il-liġi fiha nniffisha hija ħażina.

Fis-sottomissjonijiet li għamel l-Avukat ta’ Fenech, Gianluca Caruana Curran, li flimkien mal-Avukat Mario Camilleri qed jidhru għall-akkużat, huwa qal li l-arrest tiegħu issa huwa wieħed illegali peress li Fenech m’għandu l-ebda data li fiha qed jistenna li l-arrest tiegħu se jiġi fi tmiemu.

Qal li avviż legali li kien pubblikat fl-aħħar siegħat mis-Suprtendent tas-Saħħa Pubblika li jmur lura għas-7 ta’ Marzu, fejn ingħad li ninsabu fi stat ta’ emerġenza, u għalhekk skont l-Avviżi Legali l-miżuri huma biss applikabbli f’emerġenza pubblika.

L-Avukat Difensur qal li s-sitwazzjoni mhijiex normali, iżda qal li kien l-Avukat Ġenerali li ddeċieda li jintrouċi l-Avviżi Legali 61 u 65 tal-2020, li għalqu l-Qrati u ssospendew skandenzi legali b’mod indefinit. Dawn il-liġijiet ġodda neħħew is-salvagwardji kollha b’mod indefinit u li jfissru li neħħew il-protezzjoni kollha fil-konfront taċ-ċittadin.

Kompla jgħid li kif taf il-Qorti, li l-ebda prova mhija qed tinstema’ jew xi xhieda li qegħdin jintalbu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom…u għalhekk l-Avviżi Legali issa kkrejaw sitwazzjoni indefinita, meta ma hemm l-ebda data għal meta l-każ se jkompli.

L-Avukat Caruana Curran qal li fl-Istati Uniti kienu se jagħmlu l-istess bħal Malta, madankollu ġew imwaqqfa mill-Kungress Amerikan minħabba li kien se joħloq problemi kbar umanitarji.

Kompla jgħid li kif inhuma l-affarijiet, kollox jinsab wieqaf, u Fenech m’għandu l-ebda idea x’se jiġri u aktar telf ta’ żmien se jkompli jwassal għal aktar problemi. “Mhux sew li żżomm persuna taħt arrest b’dan il-mod”, qal l-Avukat Caruana Curran.

Kompla jgħid li l-każijiet kollha tpoġġew sine die. Kellhom erba’ xhur ċans biex itellgħuh. Aktar minn qatt qabel hemm il-ħtieġa ta’ salvagwardji Kostituzzjonali. Skont il-Kostituzzjoni Maltija, s-salvagwardji qegħdin hemm biex jevitaw l-abbużi u staqsa għaliex qegħdin immorru lura għall-passat xejn pjaċevoli.

Tenna li l-każ kontra Yorgen Fenech ġie pospost għal erba’ xhur u dan għal stennija ta’ tliet xhieda. Għadu miżmum il-ħabs, u dan mhux post għall-persuna li għadu preżunt innoċenti jibqa’, kompla jgħid l-Avukat Difensur tiegħu.

Tenna li mill-aħħar seduta, Fenech ilu l-ħabs għal sitt ġimgħat u ma hemm l-ebda kjarezza meta dan kollu se jintemm. “Se jkollna raġel li għadu bla ħtija u preżunt innoċenti fil-kustodja ad infinitum?

“Fl-Ingilterra l-Qrati għadhom miftuħa, u li qegħdin jaħdmu permezz ta’ video conferencing, iżda f’Malta s-salvagwardji Kostituizzjonali qed jittieħdu. Ma nistax nagħmel talba għal libertà proviżorja għaliex xejn ma nbidel. Lanqas biss nista’ nġib ix-xhieda għall-kontro-eżami, ninsabu literallment imwaħħlin,” qal l-Avukat Difensur.

L-Avukat Angele Vella mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalet li t-talba li qed issir hija waħda frivola u vessatorja minħabba li d-detenzjoni tiegħu mhijiex waħda indefinita minkejja li l-Qrati jinsabu sospiżi, l-Avviż Legali jgħid li dan ma jipprekludiex il-ftuħ tal-Qrati f’kawżi urġenti. “Din mhijiex ċajta, dawn il-liġijiet mhumiex qegħdin jiġu ntrodotti għal xi ċajta,” qalet l-Avukat.

Kompliet tgħid li din it-talba mhijiex waħda għal libertà proviżorja, u għalhekk staqsiet fejnha l-illegalità fuq l-arrest. Jekk Fenech irid jattakka Avviż Legali, dan mhuwiex forum u lanqas il-metodu.

“Qegħdin niffaċċaw stat ta’ emerġenza globali, hemm il-bżonn tal-permess tad-difiża biex nintroduċu liġi”, staqsiet l-Avukat Vella, fejn fakkret lid-difiża li l-arrest tiegħu kien ġie dikjarat legali. Qalet li s-Supretendent tas-Saħħa kellu kull poter fuq dak li għamlet, u aktar minn hekk l-20 xahar ta’ arrest għandhom ma skadewx.

Wara li daħlet fis-sigrieta biex tieħu deċiżjoni, l-Imħallef Edwina Grima rritornat lura xi ħin wara u qalet li l-akkużat huwa mixli b’kompliċità f’assasinju u li ffinanzja attività ta’ organiżazzjoni kriminali.

L-Imaħallef osservat li mhux minnu li huwa nżamm taħt kustodja b’mod indefenit, u li kellu meżżi oħra legali biex jindirizza dan kollu, u dan jikkonfermah il-fatt li minkejja li l-Qorti magħluq huwa jinsab preżenti għal dan il-każ. Qalet li ħadd u xejn ma waqqaf lill-Qorti biex tordna li din tiftaħ għall-kawżi urġenti.

Dan kollu jfisser li l-Qrati dejjem għandhom jagħtu rimedju lill-pubbliku. L-akkużat m’għamel l-ebda talba biex il-każ tiegħu jkompli jew li jingħata l-libertà proviżorja….iżda l-Qorti m’għandha qatt tfalli milli tagħti rimedju. Fenech kien ġie arrestat u akkużat fi żmien 48 siegħa, pprova kemm il-darba biex jieħu l-libertà proviżorja, mingħajr suċċess u li l-każ tiegħu qed jinstema’ bil-ħeffa.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li r-rekwiżiti legali taħt dan l-artiklu tal-liġi ċitati mhumiex preżenti. It-talba ta’ Fenech li d-detenzjoni tiegħu tmur kontra l-liġi hija waħda prematura. Issa li l-iskadenzi legali ġew sospiżi, huwa kellu d-dritt li jitlob għall-protezzjoni tal-Qorti mill-arrest indefinit.

L-Imħallef qalet li l-leġislatur għandu jifformila leġiżlazzjoni biex iħalli l-kawżi jsiru permezz ta’ seduti awdjo-viżivi biex jipprevenu mit-tixrid tal-virus, fejn qalet li l-arrest ta’ Fenech mhuwiex wieħed illegali qabel ma dan jiġi ddikjarar hekk minn Qorti kompetenti.  Il-Liġi Ewropea tagħti permess għal derogi fuq drittijiet umani f’każijiet ta’ emerġenzi nazzjonali.

L-Imħallef Grima kompliet tgħid li d-dritt tal-libertà mhuwiex dritt assolut. Il-COVID-19 hija emerġenza internazzjonali, mhux biss waħda nazzjonali. Dan ifisser li l-arrest ta’ Yorgen Fenech mhijiex waħda llegali u arbitrarja, fid-dawl tal-fatt li huwa għandu aċċess għal rimedji legali.