Coronavirus Internazzjonali

Fi Spanja, imutu rekord ta’ 950 f’ġurnata waħda; splużjoni fir-rati tal-qgħad

Iċ-ċifra tal-mewt fi Spanja mill-effetti tal-coronavirus, issa, telgħet għal 8,102. Dan meta bħalissa hemm 110,238 każi kkonfermati tal-virus qattiel fil-pajjiż, wara li kienu rappurtati 10,003 infezzjonijiet ġodda.

Intant, il-konferma tad-950 ‘vittmi ġodda’ (fuq perjodu ta’ 24 siegħa) fi Spanja tirrifletti l-akbar qabża fl-imwiet mill-Covid-19 għal ġurnata waħda f’pajjiż partikulari.

Dan meta madwar id-dinja hemm mad-938,000 infettati bil-coronavirus, b’47.000 jitilfu ħajjithom bħala riżultat. ‘Il fuq minn 30,000 mewta kienu reġistrati fl-Ewropa.

Iċ-ċifra tal-mewt fi Spanja aktar, kulma jmur, qed tiżdied u fejn qed tilħaq l-istatistika traġika tal-Italja — l-aktar pajjiż affettwat fid-dinja, fejn mietu kważi 12,500 persuna.

Spanja ilha mill-14 ta’ Marzu fuq lockdown nazzjonali u l-awtoritajiet lokali,issa, jemmnu li l-virus — li kien feġġ is-sena l-oħra fiċ-Ċina — qed jilħaq il-qofol tiegħu.

Sadanittant, it-taqsimiet għall-kura intensiva jistgħu dalwaqt ma jlaħħqux mal-ammonti tal-pazjenti f’madwar terz tar-reġjuni fi Spanja. Dan meta l-filmati minn żewġ sptarijiet f’Madrid urew lill-pazjenti waqt li qed ikunu trattati fil-kurituri u bit-tobba jissieltu biex isibu biżżejjed sodod.

Il-belt kapitali Spanjola (Madrid) tibqa’ l-agħar belt milquta mill-coronavirus, b’aktar minn 3,865 mewta rappurtata u 30,000 każ ta’ infezzjoni.

Sadanittant, kienet irreġistrata qabża rekord fl-ammont ta’ persuni qiegħda li qed japplikaw għall-benefiċċji soċjali fi Spanja.

Dan fost il-konferma, f’Marzu, li aktar minn 300,000 persuna irreġistraw bħala mhux impjegati minħabba l-lockdown li ġie impost b’kaġun tal-Covid-19.

Il-Ministeru Spanjol tas-Sigurtà Soċjali tenna li l-ammont ġenerali ta’ nies li qed jaħdmu u li jħallsu l-kontribuzzjonijiet soċjali, issa, naqas bi kważi 900,000.