3 TA’ APRIL 2008
12-il sena ilu, Robert Arrigo ħabbar li ma kellux il-ħsieb li jikkontesta l-kariga ta’ President fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-klabb li kien imiss. Arrigo kien sar President ta’ Sliema Wanderers fl-1996 u skont il-ġurnal In-Nazzjon ta’ dak iż-żmien, Arrigo “ried li fi żmien 10 snin jagħmel mill-klabb wieħed mill-iktar klabbs ta’ suċċess f’Malta,”
Hu kien iddeċieda f’April biex anki jagħti ż-żmien neċessarju lil dawk li kienu interessati biex jippjanaw il-futur tal-klabb. Arrigo qal li s-suċċess hu dovut għall-appoġġ li sab mill-membri kollha tal-kumitati li servew miegħu kif ukoll l-isponsors, l-organizzazzjoni tan-nursery, il-plejers u persuni li għenuh.
Taħt it-tmexxija tiegħu, Sliema Wanderers rebħu l-kampjonat fl-istaġun 1995/96 u għal tliet staġuni konsekuttivi (2002/03, 2003/04, 2004/05), darbtejn l-FA Trophy (1999/00, 2003/04), darbtejn is-Super Cup (1996, 2000), tliet darbiet il-Lowenbrau Cup (1999, 2001, 2002), darbtejn is-Super 5 tournament (2001/02, 2003/04) u darbtejn il-Euro Cup (2004, 2005) għal total ta’ 15-il unur. Minn wara li spiċċa mill-kariga, Sliema għadhom ma rebħux kampjonat ieħor.
Fiż-żmien li għamel fil-futbol, Robert Arrigo kien meqjus bħala ġentlom hekk kif kiseb rispett mill-plejers li ħadmu miegħu kif ukoll mill-avversarji tiegħu. Iżda jispikka l-argument li kellu mal-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Joe Mifsud. Meta Sliema rebħu s-26 kampjonat fl-2005, Robert Arrigo kien tela’ hu biex jirċievi t-trofew tal-kampjonat, xi ħaġa li Mifsud ma riedx.
//= $special ?>