Futbol Sport

15-IL SENA ILU: Avvenimenti sportivi jitħassru b’rispett lejn il-mewt ta’ Papa Ġwanni Pawlu II u protesta siekta fl-Istadium Nazzjonali

(Ritratt: In-Nazzjon)

3 TA’ APRIL 2005

Il-mewt ta’ Papa Ġwanni Pawlu II fit-2 ta’ April tal-2005 ħalliet vojt kbir fid-dinja minħabba r-rispett li kien igawdi. Hekk kif bħalissa qed ngħixu żminijiet ta’ nixfa fl-avvenimenti sportivi kawża tal-coronavirus, 15-il sena ilu kien sar l-istess iżda b’rispett lejn il-Papa Ġwanni Pawlu II. Fl-Italja, il-CONI ħabbar waranofsinhar tal-2 ta’ April li kien issospenda kull attività sportiva li kellha ssir fi tmiem il-ġimgħa filwaqt li l-FIGC ħassret il-partiti tal-kampjonati kollha tal-futbol. Il-partiti mis-Serie A u s-Serie B tressqu b’ġimgħa.

Fil-Grand Prix tal-Formula 1 tal-Bahrain tat-3 ta’ April, il-karozza F2005 taċ-champion tad-dinja Michael Schumacher, kellha l-ponta ta’ quddiem miżbugħa sewda bħala sinjal ta’ luttu filwaqt li l-istazzjoni RAI ma xandarx bħalma kien jagħmel is-soltu t-tellieqa b’mod dirett.

F’Malta wkoll kien hemm xi avvenimenti li ġew posposti. Fosthom kien hemm il-Malta Racing Club li ħassret it-tlielaq kollha fil-korsa tal-Marsa filwaqt li l-logħob kollu tal-Basketball kienu sospiżi mill-Malta Basketball Association.

Intant il-futbol tkompla regolarment b’żewġ partiti tal-FA Trophy fl-Istadium Nazzjonali. Il-partiti tal-Ewwel Diviżjoni fil-Hibernians Stadium u l-Gozo Stadium ġew posposti iżda minħabba x-xita li għamlet. Fl-Istadium Nazzjonali kien hemm protesta siekta ta’ partitarju li kellu l-bandiera bajda u safra tal-Vatikan bil-kliem “MFA bla qalb…istħu.”