3 TA’ APRIL 1985
MALTA…………. 3
ĠORDAN………. 1
Quddiem stadium kważi vojt, it-tim nazzjonali rebaħ 3-1 kontra l-Ġordan f’logħba ta’ ħbiberija. Din kienet l-ewwel rebħa miksuba taħt il-kowċ Bulgaru Dobrev u f’din il-logħba, Raymond Xuereb sar l-ewwel plejer li qatt skorja tripletta mat-tim nazzjonali Malti.
Għal din il-logħba, it-tim tal-Ġordan wasal f’pajjiżna fis-6.00am tal-ġurnata ta’ qabel. Huma ma ridux jilagħbu l-logħba għaliex qalu li kienu għajjenin. B’intervent tal-uffiċjali tal-MFA minħabba li l-logħba kienet reklamata, il-logħba ntlagħbet xorta.
It-tim Malti mar fil-vantaġġ għaxar minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima. Raymond Vella qassam lejn Nardu Farrugia li bir-ras niżżel lejn RAYMOND XUEREB li b’xutt qawwi għeleb lil Hashem. L-iskor sar 2-0 għaxar minuti wara meta Farrugia deher jiġi mfixkel fil-kaxxa minn Mohammed. RAYMOND XUEREB inkariga ruħu u ma falliex mill-11-il metru.
Fl-aħħar għaxar minuti, it-tim Malti skorja t-tielet gowl b’Alfred Azzopardi jindirizza ballun fil-kaxxa lejn Farrugia li għamel finta biex RAYMOND XUEREB skorja b’xutt qawwi hekk kif kien waħdu f’nofs il-kaxxa. Il-Ġordan naqqset id-distakk lejn it-tmiem bi free-kick dirett ta’ Ibrahim.
//= $special ?>