Internazzjonali

Coronavirus: Ir-Renju Unit jinawgura sptar ġdid li nbena f’disat ijiem

Ir-Renju Unit irranka l-impenn kontra l-coronavirus bl-inawgurazzjoni, tal-ewwel minn sensiela ta’ sptarijiet ‘Nightingale’ f’Londra. Dan l-isptar qed jiffunzjona wara proġett li dam għal disat ijiem biss.

Dan l-isptar – li għandu s-sit tiegħu fiċ-ċentru ExCel tal-esebizzjonijiet – qed jiftaħ il-bibien għall-pazjenti morda bil-Covid-19 li jeħtieġu l-kura intensiva. Dan meta l-exhibition centre spiċċa ikkonvertit f’ ‘zona ta’ fejda’, bi spazju għal 4,000 sodda għall-pazjenti kritiċi.

F’disat ijiem biss, is-87,328 metri kwadri tal-exhibition halls spiċċaw attrezzati biex iservu bħala 80 ‘sala ta’ sptar’, b’kull wieħed ikollu spazju għal 42 sodda.

Il-Prinċep ta’ Wales, Charles – li fl-aħħar jiem temm perjodu ta’ iżolament wara li testja pożittiv għall-coronavirus – inawgura din il-faċilità medika ġdida permezz ta’ video-link. L-avveniment sar ukoll bil-kollegament tas-Segretarju tas-Saħħa, Matt Hancock u l-Professur Charles Knight, li hu l-eżekuttiv ewlieni tal-NHS Nightingale.

Matt Hancock qal li dan l-isptar ġdid għall-coronavirus hu ‘proġett straordinarju li juri l-aqwa kwalitajiet tar-Renju Unit’. Is-Segretarju kompla li r-Renju Unit, bħala poplu, jista’ jissupera din il-kriżi ‘fejn qattiel inviżibbli ( il-coronavirus) qed iħalli impatt madwar id-dinja’.

Meta tkellem mir-residenza tiegħu fl-Iskozja, il-Prinċep Charles qal li ħassu onorat li seta’ jiftaħ l-isptar ġdid li kien irrealizzat ‘b’riżultat ta’ livell straordinarju ta’ kollaborazzjoni’.

Il-Prinċep qal li hu kien ‘fost il-ftit ixxurtjati li ġarrab biss ftit effetti mill-virus’ waqt li rikonoxxa li ħaddieħor irid jgħaddi minn żmien ferm aktar diffiċli.Fl-istess ħin, Charles tenna li NHS Nightingale  qed joffri ‘messaġġ prattiku ta’ tama’ waqt din il-pandemija.