Coronavirus Lokali

Għajnuna lill-mezzi tax-xandir

B’rabta mad-daqqa li qed tħalli fuq l-ekonomija din il-pandemija, illum saru numru ta’ laqgħat mal-mezzi tax-xandir ta’ pajjiżna fejn matulhom ġie kkomunikat li l-Gvern se jkun qed jagħti għajnuna, inkluż finanzjarja, sabiex matul dan il-perjodu diffiċli tal-Covid-19, il-mezzi tal-komunikazzjoni jibqgħu joperaw.

Din l-għajnuna se tmur għal stazzjonijiet tat-televiżjoni, radju, gazzetti, kif ukoll news portals.

F’dan il-perijodu tant sensittiv, il-mezzi tax-xandir għandhom dmir akbar li jittrasmettu u jwasslu l-messaġġ tagħhom fid-djar waqt li n-nies qed ikunu mħeġġa jibqgħu ġewwa.

Fil-fatt, Net TV qed jibqa jsahhah ix-xandir tieghu inkluz bi programmi godda li bdew jixxandru wara nofsinhar, fosthom il-programm View Point prezentat minn Roderick Agius.

Mill-ġimgħa d-dieħla, Net TV se jkun qed iżid ukoll servizz tal-aħbarijiet bl-Ingliż fis-5:45pm, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u fis-7pm matul il-weekend.

Intant fi stqarrija l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin mill-ġdid irringrazzja lill-Gvern Malti li fehem is-sitwazzjoni diffiċli li għaddejjin minnha l-kmamar tal-aħbarijiet lokali u l-irwol kruċjali tagħhom. Fl-istess waqt, l-IĠM jappella lill-Gvern biex jispeċifika fid-dettall x’tip ta’ għajnuna se tkun qed tingħata lis-settur ġurnalistiku.