Coronavirus Internazzjonali Unjoni Ewropea

Iktar minn miljun każ madwar id-dinja

F’dawn l-aħħar siegħat kien ikkonfermat li l-każi ta’ infezzjoni mill-Covid-19 madwar id-dinja issa qabżu l-miljun persuna. In-numru ta’ mwiet fuq livell globali issa qabeż 50,000 persuna.

L-iktar pajjiż affetwat jibqa’ l-Italja bi 13,915-il vittma, segwit minn Spanja b’ 10,003. L-Istati Uniti qabżu liċ-Ċina u Franza b’5,316-il persuna li tilfu ħajjithom. Sadanittant, kontroversja fl-Istati Uniti hekk kif l-Aġent Segretarju responsabbli mill-Qawwa Navali ikkonferma li l-kmandant tal-aircraft carrier Theodore Roosevelt, li kien wissa dwar l-effetti tal-Coronavirus fuq il-bastiment b’ekwipaġġ ta’ iktar minn 4,000, tneħħa mill-kariga. Kelliem qal li l-kmandant, filwaqt li kien bagħat l-ittra skont il-proċeduri u ċ-channels interni tal-qawwa navali, ma ħax miżuri biex il-komunikazzjoni ma tiġix leaked fil-pubbliku. L-Aircraft carrier intant jinsab sorġut fil-gżira ta’ Guam fl-Oċean Paċifiku.

Fir-Renju Unit, in-numru ta’ vittmi tela’ għal 2,928 bi 33,718-il persuna jirriżultaw pożittiv għat-test tal-virus.

Sadanittant, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ħabbret it-tnedija ta’ fond ta’ €100 biljun bil-għan li jiġu salvati kemm jista’ jkun impjiegi fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Hi talbet skuża għan-nuqqas ta’ solidarjeta’ u lajma min-naħa Ewropea fil-konfront tal-iktar pajjiżi milquta, fosthom l-Italja u Spanja