Il-Partit Nazzjonalista jixtieq juri t-tħassib tiegħu dwar l-abbuż sfrenat fil-prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali ta’ ikel bażiku f’dan il-perijodu ta’ emerġenza nazzjonali.
Fil-preżent hawn eluf ta’ persuni u familji li qed isofru minħabba dan il-fattur. Huwa fatt li l-aktar li qed isofru minn dan l-abbuż sfrenat huma l-anzjani, dawk li huma bla xogħol u dawk li huma f’riskju ta’ faqar.
Fi stqarrija għall-istampa maħruġa minn Ivan Bartolo, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali, l-ġlieda kontra l-faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali huwa tenna li l-PN jemmen li l-Gvern għandu juża l-għodod kollha disponibbli anke dawk legali biex iwaqqaf dan l-abbuż.
Il-liġi tagħti s-setgħa lill-Ministru tal-Kummerċ biex joħroġ ordni li tistabbilixxi l-prezz massimu ta’ oġġetti essenzjali tal-ikel bħal ħaxix, ross, ħobż, ilma u ħalib, fost ikel bażiku ieħor għal żmien temporanju.
Il-Gvern għandu r-responsabbiltà li jħares id-drittijiet taċ-ċittadini Maltin u jwaqqaf minnufiħ l-isfruttament esaġerat li għaddej bħalissa, bħalma dejjem għamel Gvern Nazzjonalista meta kien fil-Gvern.
Għalhekk, qal Bartolo, f’isem l-eluf ta’ familji, fqar jew f’riskju ta’ faqar, jien qed insejjaħ pubblikament lill-Ministru Silvio Schembri sabiex jaqdi dmiru biex jagħti ħarsien lil dawn il-familji fqar jew f’riskju ta’ faqar u jordna l-prezz massimu ta’ dawk l-aktar affarijiet essenzjali li jintużaw fil-ħajja ta kuljum.
Dan hu l-mument ta’ prova biex il-Gvern juri li ma jridx li min hu l-aqwa jħawwel. F’dan il-mument il-Gvern irid ikabbar sinsla ġenwina u bl-istess ħeffa li għen lil Ram Tumuluri jieħu bonus ta’ €6 miljun ta’ sena waħda biss mit-taxxi tagħna f’kuntratt korrott jgħin lill-poplu Malti.
Bartolo temm jgħid li tliet sptarijiet tagħna l-Gvern tahom lill-barranin u dan b’mod mistur lill-kumpanija falluta. Għaldaqstant għandu jkun ħafif biex jgħin lill-eluf ta’ familji fqar jew f’riskju ta’ faqar milli jkunu sfruttati f’abbuż fi prezzijiet esaġerati ta’ ikel essenzjali.