Ambjent Lokali

Il-Gvern qed jordom il-kampanja tas-separazzjoni tal-iskart li se tfisser ħolqien ta’ kriżi gravi ambjentali

Il-Wasteserv għal darb’oħra reġgħet inqabdet fuq sieq waħda u qed tkun kostretta tordom l-iskart fil-landfill mingħajr ebda trattament, filwaqt li tikser il-liġi.

Il-Wasteserv, minkejja l-paroli fierħa tal-politiċi li jmexxuha, qed tikkonferma li l-iskart li suppost qed ikun trattat b’mod mekkaniku huwa ta’ riskju għall-ħaddiema tagħha minħabba il-pandemija ta’ bħalissa.

L-Oppożizzjoni tinnota l-aħbar fit-Times of Malta tal-lum bi tħassib mhux żgħir. Għaldaqstant, qed tarmi fil-landfill l-boroż suwed mhux trattati bi ksur tad-direttivi Ewropej. Huwa fatt, miċ-ċifri ppubblikati, li l-ammont ta’ boroż suwed qed jiżdied u għadu ferm għoli meta mqabbel mal-medja Ewropea.

Jason Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives fi stqarrija qal li l-Oppożizzjoni tinnota l-aħbar fil-ġurnal Times of Malta tal-Ġimgħa, 3 ta’ April, bi tħassib mhux żgħir.

Jidher ċar li l-inizjattiva nazzjonali għal ġbir ta’ skart separat falliet. Huwa għajb li l-Wasteserv tibqa’ siekta u ssib kull skuża, bħal din tal-COVID, biex tikkonvinċina li l-falliment huwa permissibbli.

Il-Wasteserv tista’ faċilment tikkollabora mal-awtoritajiet kompetenti sabiex tiġbor skart separat li huwa potenzjalment infettat mingħand familji li qegħdin f’kwarantina, qalet l-istqarrija.

B’hekk, ir-riskju ta’ cross contamination jixxejjen, u mhux titfa’ l-iskart kollu u ta’ kulħadd f’keffa waħda ħalli nsolvu l-problemi li hemm fl-impjanti nazzjonali għat-trattament tal-iskart.

L-Oppożizzjoni qalet li qed tistaqsi diversi domandi: La l-borża s-sewda tesponi l-ħaddiema tal-Wasteserv għar-riskji għax tiġi mekkanikalment trattata, x’qed tagħmel il-Wasteserv bil-borża l-griża li tiġi trattata manwalment? Din ukoll qed tintrema fil-landfill?

Jekk inhu hekk, għaliex qed ndaħħlu lill-poplu fl-ispejjeż sabiex kollox qed jispiċċa mirdum fil-landfill? Min ser jassumi responsabbilità mill-Gvern għal dan l-aġir irresponsabbli li qed iniggeż l-ambjent tagħna?

Fid-dawl ta’ dan in-nuqqas serju, tista’ l-Wasteserv telenka r-riskji li jeżistu jekk dan ittrattament suppost qed isir b’mod mekkaniku, kif stqarret it-Times of Malta?

X’mhux jaħdem fil-proċess mekkaniku li qed joħloq daqshekk riskju lil ħaddiema tagħha? Għaliex tħalla dan l-istat ta’ fatt ta’ falliment u inkompetenza fil-Wasteserv mill-Ministru għall-Ambjent u x’passi ħa kontra min falla?

Dawn huma domanda frott ir-raġuni u s-sens komun. Jekk il-Gvern irid jittieħed bis-serjeta fil-qasam tal-waste management, għandu jibda billi jwieġeb dawn id-domandi bażiċi iżda kruċjali.