Ekonomija Lokali

Il-part-timers tal-Air Malta li jinsabu fuq kuntratt definit se jispiċċaw bla xogħol

"Lanqas biss qalulna grazzi"

NET NEWS jista’ jikkonferma li fost dawk li fil-ġimgħat li ġejjin se jispiċċaw bla xogħol hemm numru ta’ ħaddiema tal-Air Malta li kienu jaħdmu bħala part-time, fuq kuntratt definit.

F’ittra mibgħuta mill-management tal-Air Malta dawn il-part-timers ġew infurmati li huma se jibqgħu jaħdmu sal-aħħar tax-xahar.

“Lanqas biss irringrazzjawna tas-servizz li tajna”, qaltilna waħda mill-impjegati tal-linja nazzjonali tal-ajru, illi saqsiet x’se jiġri minn nies fil-management u fis-sezzjoni tal-komunikazzjoni li qed jieħdu “pagi enormi”.

Fost dawk li ddaħħlu mal-Air Malta fl-aħħar xhur hemm il-preżentatur tal-media laburista Karl Stagno Navarra.

Impjegati oħra li jaħdmu full time mal-kumpanija qalulna li dan hu biss l-ewwel sinjal tal-problemi li għadhom ġejjin, u diġa’ jidhru fix-xefaq.

“Għaliex keċċew lil dawn il-part-timers?”, saqsa wieħed mill-impjegati. “Dawn teknikament ma jiswew xejn lill-kumpanija. Allura jfisser li issa dalwaqt imiss lilna?”

Il-part-timers li rċievew l-ittra din il-ġimgħa se jintemm il-kuntratt tagħhom lejlet Jum il-Ħaddiem, fit-30 t’April.