Coronavirus Lokali

Insieme|Together: Solidarjetà qalb l-UE

Jekk ningħaqdu f’solidarjetà bħala Ewropej żgur li nitrijonfaw fuq din il-pandemija. Dan u aktar ingħad waqt diskussjonijiet f’livell Ewropew fejn matulhom ipparteċipa bi sħiħ ukoll il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ryan Callus.

Ir-rappreżentanti Ewropej qablu li flimkien bħala stati membri għandna r-responsabilità sabiex inwaqqfu aktar tixrid ta’ COVID-19 u flimkien nistgħu niffaċċjaw u neliminaw l-isfida ekonomika li hemm tistenna wara din il-kriżi. Intqal li bħal ma’ dan il-virus m’għandux fruntieri, hekk ukoll l-azzjoni kontrih.

Dan kollu wara li fi ftit ġimgħat Covid-19 biddel id-dinja kif konna mdorrijin biha sa xahar u nofs ilu. Ġie spjegat li uħud saħqu li t-tort wara t-tixrid qawwi tal-virus kien kollu kemm hu minħabba l-globalizzazzjoni – huwa proprju grazzi għal din ir-raġuni wkoll li bħala pajjiżi ninsabu lesti sabiex niġġieldu lil din il-krizi.

Together, flimkien – hija l-aktar kelma importanti tul dawn il-jiem, l-għaliex flimkien biss nistgħu ngħelbu lil din il-pandemija qerrieda.

Għaldaqstant ingħad li minkejja li l-fruntieri qed jingħalqu – ikun żball kbir jekk mingħalina li nistgħu nakkwistaw rebħa impreżżabli fuq dan il-virus waħedna.