Coronavirus Lokali

Jappellaw lil Profs. Gauci biex tħallihom jiżbarkaw Malta

“Qed nappellawlek tirrikunsidra ċ-ċaħda milli nisbarkaw minn fuq il-cruise liner MV Colombus”.

Hekk sostna Joseph Mercieca, ir-raġel Malti ta’ 70 sena, li flimkien mas-sieħba tiegħu Marthese Bonello, ukoll ta’ 70 sena, jinsab maqbud abbord l-imsemmi cruise liner fi triqtu lejn l-Ingilterra wara jiem twal ta vjaġġar fuq il-baħar.

Huwa appella lis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Profs. Charmaine Gauci sabiex tħallihom jiżbarkaw 20 mil ‘il barra mill-kosta ta’ Malta nhar is-6 ta’ April, waqt li l-bastiment tal-passiġġieri ikun qed jingħata l-fjuwil neċessarju sabiex ikompli bil-vjaġġ. Mercieca spjega li appardi li għandhom 70 sena, għaldaqstant ikkunsidrati anzjani, huma wkoll vulnerabbli mill-aspett mediku l-għaliex it-tnejn li huma għandhom kundizzjonijiet kardijaċi u respiratorji.

Joseph Mercieca sostna li jekk ser jitħallew jivvjaġġaw lejn il-Port ta’ Tilbury ser ikunu esposti għal riskju akbar li jimirdu hekk kif saħaq li kif jaslu l-Ingilterra jridu jduru biex jixtru mediċina għal mard kronika, isibu mezz ta’ trasport għall-ajruport ta’ Heathrow kif ukoll jivvjaġġaw lejn Malta – b’riskju akbar li jiġu infettati bil-COVID-19.

Huwa saħaq li ġaladarba Profs. Charmaine Gauci tilqa’ l-appelli tagħhom ir-riskju li jkunu infettati jonqos jekk mhux jiġi evitat għal kollox.

Mercieca ċċara li l-vaganza kienet ibbukkjata f’Settembru 2019 u imbarkaw fuq il-vapur fil-25 ta’ Frar 2020. Huwa sostna li il-cruise liner ilu mill-14 ta’ Marzu jivvjaġġa bla waqfien mill-Awstralja bi vjaġġ ta ripatrijazzjoni lejn ir-Renju Unit.

https://www.facebook.com/permalink.php?story_fbid=914008559052563&id=100013302826782