Coronavirus Knisja Lokali

L-Isqof Mario Grech b’appell qawwi għall-għajnuna biex jinxtara ventilator għall-pazjenti Għawdxin

Mons. Mario Grech

L-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex  b’appell qawwi għall-għajnuna biex jinxtara ventilator għall-Għawdxin. Dan bħala ġest ta’ karità f’dan iż-żmien ta’ Covid-19. Bħala Djoċesi ta’ Għawdex, u permezz tal-kontribuzzjoni ta’ kulħadd, huwa jemmen li hemm il-ħtieġa li jinxtara ventilator biex jintuża mill-pazjenti fl -Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Din it-talba qed issir f’Jum id-Duluri fejn Marija hija Addolorata għax refgħet ftit mis-salib ta’ Binha Ġesù. Dan l-appell huwa dak ewlieni tal-Ġimgħa fil-quddies permezz tal-live-streaming mill-knejjes ta’ Għawdex, bl-istedina biex il-komunitajiet parrokkjali/pastorali Għawdxin joffru kontribut għal din id-donazzjoni b’risq is-saħħa tan-nies.

Il-messaġġ tal-Isqof Mario Grech huwa li bħalma Marija ma kenitx taf tibqa’ gallarija quddiem it-tbatija ta’ Ġesù, hekk ukoll aħna ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem il-passjoni li għaddej minnha l-bniedem minħabba l-imxija tal-Covid-19. Huwa qed jisħaq li xieraq li bħad-Duluri jintrefa’ ftit mill-piż ta’ bħalissa.

L-Isqof Mario Grech qed jemfasiżża li quddiem din l-emerġenza dinjija u nazzjonali aħna grati lejn l-Awtoritajiet Ċivili li qed jiddedikaw rizorsi umani u finanzjarji u qed jieħdu miżuri biex kemm jista’ jkun irażżnu l-imxija u jfejqu lil min ittieħed.

“Għal dan il-għan in-Nazzjon fetaħ is-senduq għalina! Misjuq minn dan is-sens ta’ nazzjon, imma iktar u iktar mill-karità Nisranija… imsaħħaħ mill-eżempju ta’ xi żgħażagħ li qaluli li “jekk f’dan il-mument hekk diffiċli għal kulħadd, taf b’xi ħadd li huwa veru fil-bżonn, għidilna u lesti li ngħinu mingħajr ma jkun jaf kemm finanzjarjament u kemm b’affarijiet oħra” …. wara li smajt il-parir favorevoli ta’ xi saċerdoti… nagħmel appell biex bħala Knisja f’din il-gżira Għawdxija ndaħħlu jdejna fil-but u nagħmlu offerta ġeneruża biex nixtru ventilator li nagħtuh lill-Awtoritajiet tas-Saħħa ħalli jpoġġuh għas-servizz tal-pazjenti Għawdxin” qed itenni l- Amministratur Appostoliku għal Għawdex .

Jemmen li din l-inizjattiva biex nagħtu l-appoġġ tagħna lill-Awtoritajiet ts-Saħħa li qed jagħmlu minn kollox biex isalvaw il-ħajjiet. Hemm min jaħseb li l-Istat għandu bir bla qiegħ. Dan mhux minnu. Kif jgħid il-qawl, “tieħu bla ma trodd, is-swar tħott”!

B’dan il-ġest ta’ solidarjetà ma’ dawk ħutna li huma f’riskju, aħna li normalment nirċievu ħafna mill-Istat, f’din il-qagħda daqshekk prekarja u delikata nixtiequ nagħmlu din l-offerta simbolika, konvinti li jekk intaffu ftit mill-ispiża enormi li qed issir fil-qasam tas-saħħa, l-Istat ikollu aktar xi jqassam f’oqsma soċjali oħra.

L-Isqof Grech fl-appell waqt il-quddies qed jisħaq li l-ossiġnu li permezz ta’ dan l-istrument ser jingħata lill-pazjent inqisuh qed jingħata lil Kristu. Niftakru li kien Kristu nnifsu li qalilna: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:34-36).

Ma’ dawn wieħed jista’ jżid: ‘kont marid fis-sodda qed nifga u bl-istrument li tajtni għentni nerġa’ nieħu n-nifs!’. Sa minn meta faqqgħet din l-imxija, aħna s-saċerdoti ppruvajna nagħtukom in-nifs billi weżinniekom bit-talb u farraġniekom bil-Kelma ta’ Alla; illum nixtiequ litteralment ngħinu lil min qed jinqatagħlu n-nifs jimla l-pulmuni bin-nifs, qed isostni l-Isqof Grech.

F’dan id-dawl huwa qed jagħmel sejħa lis-saċerdoti tad-djoċesi tagħna biex jimpenjaw ruħhom biex kulħadd jagħmel kontribuzzjoni ta’ mhux inqas minn €100 f’dan il-fond biex jinxtara ventilator li huwa stmat li jiswa madwar €50,000.

Huwa qed jitlob lill-Kappillani, lir-Retturi, lill-Kunventi u lill-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex, u lill-Għaqdiet Reliġjużi biex mill-kaxxa komuni tagħhom jagħmlu l-istess. Appella lill-Insara biex ikunu ġenerużi u jagħtu sehemhom f’din l-inizjattiva. Kulħadd skont il-qies tiegħu: min jiflaħ ftit, jagħti ftit; min jiflaħ ħafna, jagħti ħafna.

“Din il-kriżi tista’ tfaqqarna materjalment, imma mhux ser jirnexxilha tfaqqarna millimħabba! Ftit jiem oħra ser inkunu fil-Ġimgħa Mqaddsa – jiem li fihom niftakru li “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx” (Ġw 3:16). Minkejja li dawn huma żminijiet ta’ ħafna inċertezzi, ħa nirreċiprokaw din l-Imħabba billi nuru ftit imħabba mal-proxxmu tagħna.

“Bl-interċessjoni ta’ Marija Addolorata nitlob fuqkom il-barka kotrana ta’ Alla. Mogħtija llum, il-Ġimgħa 3 ta’ April 2020, festa tad-Duluri, temm jgħid Mario Grech Amministratur Appostoliku għal Għawdex.